Fi knisja mimlija nies, ġiet mogħtija l-aħħar tislima lill-omm l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.
L-Arċisqof Emeritu, waqt l-omelija fil-Knisja ta’ San Duminku fil-Belt Valletta, tkellem dwar l-imħabba li ommu Josephine Cremona dejjem tagħtu matul ħajjitha. Hu stqarr kif hi kienet mara li tgħin lil kulħadd, partikolarment mal-familji tagħha. Mons Cremona kompla billi rrakkonta kif ommu kienet tieħu ħsieb lill-ġenituri tagħha fi xjuħithom u anke lill-ħames zijiet tagħha, hekk kif hi kienet tifla waħedha.
Mons Cremona stqarr kif ommu kienet ta’ eżempju, hekk kif imxiet dejjem fuq il-passi ta’ Ġesu’, u qabbel il-missjoni tagħha mal-missjoni li l-Missier ta lil Ġesu’ fuq din id-dinja.
Kompla billi tenna kif meta ommu kienet tinsab fi żmien ta’ tbatija, hi kienet issib refuġju fit-talba tal-Ħniena Divina.
Mons Cremona, f’isem ħutu, rringrazzja lil dawk kollha preżenti, u rringrazzja partikolarment lil kull min għen lil Josephine Cremona fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.
Preżenti għall-funeral kien hemm l-Aġent President Dolores Cristina l-Kap tal-Opożżizjoni Simon Busuttil, u l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
//= $special ?>