Lokali

Post li se joffri ikel u bżonnijiet bażiċi oħra bla ħlas lil persuni foqra

Nhar it-Tnejn li ġej se tkun inawgurata dar fi Fleur-de- Lys fejn persuni foqra jistgħu jieklu, jieħdu shower u jbiddlu ħwejjiġhom u jsibu faċilitajiet oħrajn bażiċi disponibbli f’post li se jservi bħala kenn u wens għal persuni bħal dawn.

Dan ħabbru d-direttur ta’ Caritas Malta Leonid McKay waqt diskors li għamel f’jum il-gradwazzjoni ta’ numru ta’ residenti fil-Komunità Terapewtika Kontra l-Abbuż tad-Droga ta’ San Blas. Is-serata ċċelebrat is-suċċess ta’ dawn ir-residenti li jkun ippruvat li baqgħu ’l bogħod mill-vizzju tad-droga wara programm intensiv ta’ riabilitazzjoni mmexxi minn Caritas Malta.

pix 2

Id-direttur tal-Caritas qal li x-xogħol fuq din id-dar ilu sejjer flimkien ma’ The Alfred Mizzi Foundation, li kienu huma li instigaw l-idea, u l-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.

Il-ħsieb kien li jinfetaħ dan ix-xelter fil-komunità bl-iskop li joffri kenn għal “għal persuni fil-periferija tas-soċjetà tagħna.”

Leonid McKay qal li nkunu nonqsu jekk ma nirrikonoxxux u ma nifhmux li teżisti din il-faxxa ta’ nies bi ħtiġiet bażiċi u li qed jesperjenzaw faqar materjali. Hu kkwota silta minn diskors tal-Papa Franġisku meta qal li jippreferi “Knisja miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hi ggranfata.” Dan il-kliem jgħodd ħafna għall-Caritas, qal is-Sur McKay. Hu ħabbar ukoll li fil-fatt il-post se jissemma ‘Dar Papa Franġisku’.

Postijiet bħal dawn f’diversi pajjiżi barra minn xtutna huma magħrufa bħala soup kitchens, u nħolqu proprju biex b’sens ta’ solidarjetà ma’ persuni foqra, uħud minnhom bil-ġuħ u bla saqaf fuq rashom, joffru platt sħun ta’ ikel u servizzi bażiċi oħrajn, mingħajr ma jintalab ħlas.

pix 3

Fil-fatt l-istaff li se jkun qed imexxi din id-Dar ħa taħriġ f’Ruma, fejn li l-Caritas tmexxi ħafna servizzi simili f’diversi bliet fl-Ewropa.

Id-Dar se jkollha madwar 20 sodda u hemm ukoll il-ħsieb li ’l quddiem tinstab dar simili li tkun esklussivament għan-nisa. Imma sakemm iseħħ dan il-proġett, Dar Papa Franġisku se jkollha spazju wkoll għan-nisa u tfal tagħhom.