Andriy Shevchenko inħatar bħala kowċ tat-tim nazzjonali Ukren b’kuntratt ta’ sentejn wara li l-assoċjazzjoni Ukrena tal-futbol ikkonfermat illum. L-eks attakkant ta’ Chelsea u Milan se jieħu t-tim f’idejh minn Mykhaylo Fomenko li rriżenja wara l-wirjiet diżappuntanti fl-Euro 2016 fejn spiċċaw l-aħħar fil-grupp tagħhom u mingħajr punt wara telfiet kontra l-Ġermanja, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Polonja.
Shevchenko ħadem mal-iskwadra fit-tournament li sar fi Franza fejn kien jifforma parti mill-istaff tekniku, iżda issa għandu biċċa xogħol akbar. L-Ukren se jkun assistit minn Mauro Tassotti li temm ir-relazzjoni ma’ Milan wara 37 sena, kif ukoll minn Andrea Maldera u Raul Riancho li għandu esperjenza fil-futbol Ukren wara li kien fit-tim tekniku ta’ Dynamo Kiev.
L-għan ta’ Shevchenko mal-Ukrajna se jkun li jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-2018. L-Ukrajna qegħda fi grupp flimkien ma’ timijiet bħal Kroazja u t-Turkija.
//= $special ?>