Lokali

Sitwazzjoni inċerta għall-ħaddiema tal-AirMalta – President tal-For.U.M

Fi kliem il-President tal-Forum Unions Maltin Kevin Bonello, is-sitwazzjoni preżenti fost il-ħaddiema tal-Air Malta hija waħda ta’ inċertezza kbira.

Hekk stqarr Bonello meta kien qed jieħu sehem fil-programm Follow-Up fuq Radio 101 fejn tkellem dwar it-taħdidiet li għaddejin bħalissa sabiex il-Gvern ibiegħ l-Air Malta lill-kumpanija Taljana Alitalia. Fi ħdan il-Forum hemm affiljati tliet unions; il-Union tal-Cabin Crew, il-Union tal-Inġiniera u l-ALPA.

Kevin Bonello fakkar illi ftit tal-jiem ilu l-Forum kiteb direttament lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex iwassal it-tħassieb tal-ħaddiema. “Għamilniha ċara illi din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza mhix ġusta fuq il-ħaddiema. Aħna irridu li jkollna pjan ċar għal-linja nazzjonali tal-ajru”, sostna Bonello.

Apprti n-nuqqas ta’ ċertezza hemm ukoll nuqqas ta’ informazzjoni bażika li qed jitolbu għaliha l-impjegati. Fil-fatt, nhar it-Tlieta li għadda saret laqgħa għall-unions, iżda xorta “ir-risposti ma ġewx”.

Fuq Radio 101 Kevin Bonello għamilha ċara illi l-ħaddiema issa ilhom iżejjed jistennew. U għamel ukoll appell sabiex anke l-management tal-Air Malta jagħti risposti għad-domandi li qed iressqu l-impjegati tal-linja nazzjonali Maltija.

Din il-ġimgħa stess, Il-Ministru Edward Zammit Lewis ikkonferma li m’hemmx ċertezza dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta.

Il-Gvern kien iffirma ‘memorandum of understanding’ mal-Alitalia fl-aħħar ta’ April li ghadda. Jekk il-Gvern jagħlaq in-negozjati mal-Alitalia, dan ikun ifisser li 49% tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija tinbiegħ lill-Alitalia – il-linja tal-ajru nazzjonali Taljana li bħalissa qed tagħmel telf ta’ nofs miljun ewro ma’ kull ġurnata li tgħaddi.