Il-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit Theresa May iltaqgħet, f’Edinburgh, mal-Ewwel Ministru tal-Iskozja Nicola Sturgeon fejn iddiskutew flimkien il-futur tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea wara l-vot tal-Britanniċi favur il-Brexit.
Qabel il-laqgħa, Theresa May għamlitha ċara li qed tfittex djalogu impenjattiv mal-Gvern Skoċċiż dwar in-negozjati tar-Renju Unit li, fir-referendum storiku ta’ jiem ilu, ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Il-maġġoranza tal-Iskoċċiżi kienu għażlu li jibqgħu membri tal-UE waqt ir-referendum u Sturgeon trid tiddiskuti l-għażliet li jħarsu l-interessi tal-Iskoċċiżi ‘li spiċċaw jiffaċċjaw element ta’ sogru bil-vot dwar il-Brexit’.
Intant, il-Prim Ministru May, li kienet qed iżżur l-Iskozja għall-ewwel darba f’din il-kariga, wasslet il-messaġġ li li ‘l-Gvern tar-Renju Unit jinsab fuq in-naħa tal-Iskoċċiżi’.
Hi anki insistiet li turi impenn ‘biex tippreserva r-Renju Unit bħala unjoni speċjali li ilha tiffunzjona b’suċċess għal sekli sħaħ’.
Iżda hu minnu wkoll li għad hemm inċertezza sostanzjali dwar l-Iskozja bħala membru permanenti tar-Renju Unit.
Meta tkellem fuq il-programm Good Morning Scotland, tal-BBC Scotland, is-Segretarju Britanniku għall-Iskozja David Mundell fisser l-idea li l-Iskozja tkompli tifforma parti mir-Renju Unit waqt li, fl-istess ħin, tibqa’ membru tal-UE bħala ‘ xi ftit tal-fantasija’.
Mundell, fl-istess ħin, jemmen li Theresa May u Nicola Sturgeon se jkollhom relazzjoni ‘kostruttiva’ u li l-għan kollettiv tagħhom se jkun biex l-Iskozja u l-kumplament tar-Renju Unit igawdu mill-aħjar ftehim u arranġamenti fin-negozjati relatati għall-UE.
Intant, Mundell ma jemminx li l-Iskozja għandha torganizza tieni referendum dwar l-indipendenza, issa ladarba r-Renju Unit għażel li jħalli l-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>