Lokali

Żagħżugħ jinqabad fil-pussess ta’ ammont kbir ta’ droga lesta għat-traffikar

Ħidma konġunta bejn il-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun u kollegi mill-Iskwadra ta’ Kontra d-droga lbieraħ filgħodu wasslet biex żagħżugħ li joqogħd il-Fgura jinqabad f’karozza li fiha kien hemm bosta pakketti tad-droga lesti biex ikunu ttraffikati.

Fl-istess karozza l-Pulizija sabet ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus. B’din is-sejba l-Pulizija infurmaw minnufih il-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir Inkjesta Maġisterjali u għalhekk inħatru għadd ta’ esperti biex jgħinu fil-formulazzjoni tar-rapport.

Sadattant iż-żagħżugħ inżamm mill-Pulizija għal aktar investigazzjoni u stħarriġ. Fost l-oħrajn aktar tard matul il-ġurnata l-Pulizija għamlet ukoll tfittxija intensiva fl-appartament taż-żagħżugħ. Minn dan l-appartament, fi Triq Lorry Sant fil-Fgura, il-Pulizija jidher li elevat diversi oġġetti biex jgħinu fl-investigazzjonijiet. Ta’għajnuna kbira għall-Pulizija f’dan l-istadju ta’ investigazzjonijiet hu wkoll il-mobile taż-żagħżugħ li minnu l-investigaturi jistgħu jiksbu ħafna informazzjoni mill-aktar importanti.

Minn stħarriġ li għamel In-Nazzjon ilbieraħ irriżulta li kienu xi residenti li ċemplu lill-Pulizija li f’karozza tat-tip Smart kien hemm persuna mitluqa. Il-Pulizija tal-Ħamrun marru fil-post indikat lilhom u għall-ewwel it-tiftix li sar kien fin-negattiv. Madankollu minn aktar stħarriġ irriżulta li verament kien hemm karozza Smart b’persuna mitluq fiha, iżda fi Triq Gafa fil-Ħamrun, ftit ‘il bogħod mill-iskola.

Hawnhekk nifhmu li l-Pulizija ppruvat tqajjem lil dan iż-żagħżugħ li iżda kellu diffikultà kbira biex jikkomunika tajjeb mal-istess Uffiċjali tal-Pulizija.

Min-naħa tagħhom dawn talbu l-assistenza ta’ ambulanza mill-Isptar Mater Dei biex ikun aċċertat li ż-żagħżugħ ma kellu xejn gravi. Iżda għal xi raġuni l-istess żagħżugħ ma riedx imur l-Isptar. Talab biex li jingħata lura ċ-ċavetta tal-karozza biex skont hu jmur jistrieħ id-dar. Nifhmu li kien f’dan il-mument li seħħ żvilupp mill-aktar kruċjali meta fil-parti ta’ wara tal-karozza l-Pulizija raw xi pakketti ta’ qisien differenti li fihom seta’ kien hemm sustanzi pprojbiti.

Għalhekk fil-post intalbet l-għajnuna tal-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga li marru fil-post fi ftit tal-ħin. Minn investigazzjonijiet aktar fid-dettal u fil-preżenza tal-istess żagħżugħ, il-Pulizija elevat għadd kbir ta’ boroż li fihom deher li kien hemm tipi differenti ta’ droga u kapsuli. Bis-sejba kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ordna wkoll is-sehem tal-Forensika f’din is-sejba konsiderevoli li kompliet tikber fid-dimensjoni tagħha meta fl-istess karozza nstabu ammonti ta’ eluf ta’ ewro.

Sadattant waqt din il-ħidma kollha ż-żagħżugħ beda jirċievi għadd ġmielu ta’ telefonati, fosthom ukoll minn persuni ta’ nazzjonalità barranija. Il-Pulizija immedjatamet qablet li simultanjament issir tfittxija wkoll fl-appartament li ż-żagħżugħ għandu fil-Fgura.

Fil-fatt hekk ġara u numru ta’ Pulizija pajzana u bl-uniformi marru fil-preżenza taż-żagħżugħ fl-appartament tiegħu fejn kompliet issir tfittxija. Fi tmiemha l-Pulizija elevaw numru ta’ oġġetti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna f’din l-investigazzjoni. Nifhmu li f’dan l-istadju l-Pulizija trid tistabbilixxi l-kuntatti li kelludan iż-żagħżugħ. Jekk id-droga kenitx tiegħu biex jittraffikaha hu jew inkella kenitx ta’ terzi persuni mgħoddija lil dan iż-żagħżugħ biex jittraffikaha f’isimhom u naturalment hu jieħu l-kummissjoni minn fuq kull negozju li jsir.