Il-Gvern tal-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan ‘jinsab f’kontroll assolut’ tal-pajjiż wara kolp ta’ stat, fil-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, li rriżulta fil-qtil ta’ għexieren ta’ nies u mewġa ta’ arresti.
Spiċċaw arrestati xi 2,840 suldat, fosthom suldati mlaħħqin tal-Armata, b’Erdogan jikkundanna lill-golpisti bħala tradituri u jwissi li huma jridu jħallsu prezz qares.
Il-Prim Ministru Tork, Binali Yildirim fisser ir-rewwixta kontra l-Gvern bħala ‘tebgħa sewda fuq id-demokrazija Torka’, u qal li mietu ‘il fuq minn 160 fil-ġlied, b’1,440 jisfaw midruba. Mhux ċar min kien responsabbli mill-kolp ta’ stat u meta l-ibliet prinċipali ta’ Ankara u Istanbul għaddew minn sigħat ta’ splużjonijiet u sparar. Intant, eluf ta’ Torok wieġbu għas-sejħa ta’ Erdogan biex ‘iqumu u jikkonfrontaw lill-golpisti’ fit-toroq.
Il-kolp ta’ stat seta’ seħħ minħabba d-diżgwid fost it-Torok għall-proġett ta’ Erdogan biex jittrasforma l-pajjiż u l-effetti għat-Turkija mill-gwerra tas-Sirja. Filwaqt li l-inħawi ta’ Ankara u Istanbu, ilbieraħ, bdew jirritornaw għall-kalma, il-poplu Tork jinsab ixxukkjat għall-aħħar dwar it-taqlib u dmija sussegwenti.
Il-kriżi bdiet fil-lejl tal-Ġimgħa meta tankijiet tal-gwerra għalqu żewġ pontijiet fil-Medda tal-Bosforu, fiz-zona ta’ Istanbul. Dehru wkoll suldati fit-toroq waqt li ajruplani militari taru fil-baxx minn fuq il-kapitali Ankara.
Ftit tal-ħin wara, taqsima tal-Armata ħarġet stqarrija li t-Turkija kienet qed titmexxa minn ‘kunsill għall-paċi’ u li l-kolp ta’ stat kien sar għar-restawr tad-demokrazija u l-ordni kostituzzjonali, kif ukoll għar-rispett tad-drittijiet umani fil-pajjiż. Il-golpisti komplew li l-liġi sekulari u demokratika ‘qed tisfuma fit-Turkija taħt il-Gvern preżenti’.
Il-President Erdogan, dak il-ħin, kien qiegħed fir-resort ta’ Marmaris u fil-pront ċempel biex iwassal messaġġ lill-poplu ħalli jopponi lill-golpisti fit-toroq. Erdogan imbagħad qabad ajruplan lejn Istanbul qabel l-inħawi ta’ Marmaris intlaqtet minn vjolenza.
Fl-eqqel tal-kolp ta’ stat kienu attakkati l-bini tal-Parlament u l-Presidenza f’Ankara. Instama’ wkoll l-isparar barra l-kwartieri tal-pulizija f’Istanbul, fost rapporti dwar tankijiet tal-gwerra ‘iduru barra l-ajruport tal-belt’.
S’issa, ħadd ma jaf il-proprji awturi tal-kolp ta’ stat, bi tmien golpisti tal-militar jaħarbu lejn il-Greċja b’ħelikopter biex jitolbu kenn politiku. Il-Greċja, intant, kienet qed tikkunsidra t-talba tat-Torok biex it-tmienja jkunu estraditi lejn pajjiżhom. Aktar qabel, xi 200 suldati kienu telqu mill-kwartieri militari ta’ Ankara u ċedew lill-pulizija Torok.
Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea evalwaw is-sitwazzjoni fit-Turkija fost impenji biex jikkoordinaw messaġġi politiċi u appoġġ liċ-ċittadini tal-UE fit-Turkija. Il-Ministri Ewropej esprimew appoġġ lill-istituzzjonijiet demokratiċi tat-Turkija u kkundannaw l-użu ta’ vjolenza kontra tagħhom. L-istess Ministri ħeġġew ukoll biex l-entitajiet fit-Turkija jevitaw kull eskalazzjoni ta’ vjolenza li tinvolvi ċivili.
//= $special ?>