Numru ta’ persuni, kemm Maltin kif ukoll Torok, li dalgħodu kellhom jaslu Malta minn Ataturk Airport, kif ukoll dawk li kellhom iħallu pajjiżna lejn it-Turkija, spiċċaw imwaħħla fil-pajjiżi rispettivi wara l-kanċellazzjonijiet tat-titjiriet.
L-ewwel titjira minn Istanbul lejn Malta kellha tkun waħda konġunta bejn l-Air Malta (KM 2701) u t-Turkish Airlines (TK 1369) li kellha tħalli t-Turkija fl-09:50. Siegħa iktar tard, jiġifieri fil-10:50, it-titjira bejn l-Air Malta (KM 2700) u Turkish Airlines (TK 1370), kellha tħalli lil pajjiżna fid-direzzjoni ta’ Istanbul.
Madankollu l-inċertezza fit-Turkija, wara l-attentat kolp ta’ stat minn fazzjoni tal-armata, wasslet għal problemi u kanċellazzjoni tat-titjiriet. Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wieħed seta’ jinnota kju twil quddiem l-uffiċċji tal-linja Turkish Airlines b’persuni jitolbu informazzjoni dwar it-titjiriet lejn it-Turkija (ritratt hawn taħt).
Dan l-istazzjon hu nfurmat ukoll li fit-Turkija nqabdu numru ta’ Maltin, li wara lejl ta’ inċertezza, kmieni filgħodu qabdu rotot alternattivi lejn pajjiżi oħra biex minn hemm jidbew vjaġġ lejn Malta.