Lokali

Jweġġa’ waqt sfida ta’ 1,084km u jibqa’ għaddej sal-aħħar

Reuben Abdilla, wieħed miċ-ċiklisti tal-fondazzjoni ALIVE tkellem ma dan is-sit u ddeskriva l-esperjenza tiegħu matul l-isfida.

Qal li din l-isfida kienet waħda diffiċli mhux biss ħabba li jridu jaqdfu 1,084km, imma wkoll ħabba l-elementi li kienu kontrihom. Iddeskriva kif is-sħana għamlet l-isfida aktar diffiċli għaliex meta ma kienux qed jitilaw it-tlajja, is-sħana żiedet, għalhekk ma setawx jirkupraw.

Qalilna wkoll li fl-aħħar ftit tal-isfida, kellu inċident bir-rota. Dan l-inċident seħħ meta, 50km bogħod minn tmiem l-isfida, Reuben sab ħofra u tilef il-kontroll tar-rota.

Sfortunatament iċ-ċiklist waqa’ minn fuq ir-rota, pero wara ftit ħin ta’ waqfien, Reuben ried  ikompli l-isfida sal-aħħar.

Għaldaqstant minkejja l-ġrieħi li ġarrab f’riġlejh, ma’ wiċċu u postijiet oħrajn, id-diterminazzjoni ta’ Reuben waslitu biex ikompli jaqdef u jispiċċa l-isfida ma’ sħabu ċ-ċiklisti.