Lokali

L-ALPA bla fiduċja fil-management kurrenti ta’ l-Air Malta

Il-Union tal-bdoti, l-ALPA, fi stqarrija ddeplorat dak li hi sejħet bħala t-tentattiv tal-Air Malta illi tlibbes sarima lill-Piloti li jahdmu mal-linja nazzjonali ta’ Malta.

Fi stqarrija l-ALPA qalet li l-mandat ta’ inibizzjoni preżentat fil-Qrati mill-Air Malta huwa theddida ċara fuq id-dritt ħieles tal-ħaddiema illi jingħaqdu f’unions u fuq id-dritt illi l-ħaddiem jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu billi jieħu sehem f’azzjoni industrijali.

L-ALPA qalet li dan id-dritt sagrosant huwa konfermat mhux biss mill-liġi ta’ Malta iżda wkoll mill-liġi internazzjonali, fejn il-ħaddiem għandu drittijiet illi ma jista’ jeħodhomlu ħadd.

L-ALPA ddeplorat wkoll l-imġieba taċ-Chairperson tal-Airmalta meta din f’artiklu f’gazzetta lokali attakkat bla ħtieġa lill-piloti.

“Fuq kollox, huwa deplorevoli għall-aħħar illi figuri u somom mhux veritiera dwar it-talbiet finanzjarji tal-ALPA, ġew mogħddija klandestinament lill-media u dan bl-intiża ċara illi ddur l-opinjoni
pubblika kontra l-Piloti tal-Air Malta” tkompli tgħid l-ALPA.

L-ALPA akkużat lil management bi snin twal ta’ deċiżjonijiet żbaljati, fosthom pagi tal-management li jmissu il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro, wasslu lil linja tal-ajru nazzjonali fl-istat prekarju li tinsab fih illum.

Fost dawn id-deċiżjoniet żbaljati, l-ALPA ssemmiet it-tnaqqis fil-flotta li wassal għal tnaqqis immedjat fil-market share li kienet tokkupa l-Air Malta.

L-ALPA ddikjarat illi jekk l-Air Malta verament temmen fit-trasparenza, hija għandha tippublika s-salarji tal-ogħla uffiċjali tagħha, sabiex il-pubbliku jkun f’pożizzjoni aħjar illijiġġudika fuq il-fatti u mhux fuq il-qlajjiet.

L-ALPA ddikjarat illi l-membri tagħha m’humiex ser iċedu għall-pressjoni u t-theddid ta’ l-Air Malta u għal dan il-għan ser ikunu qed jikkontestaw il-mandat ta’ inibizzjoni fil-Qrati Maltin.

L-ALPA qalet li m’għadx fadlilha fiduċja fil-management kurrenti ta’ l-Air Malta.