Il-Kungress tal-Istati Uniti ppubblika dokumenti dwar jekk il-Gvern tal-Arabja Sawdija kellux rwol fl-attakki terroristiċi storiċi tal-11 ta’ Settembru tal-2001 kontra l-ibliet ta’ New York u Washington.
Id-dokumenti, li kienu damu s-snin klassifikati, ma juru l-ebda rabta uffiċjali bejn il-Gvern Sawdi u t-terroristi tal-Al-Qaeda li, fl-2001, ħatfu ajruplani tal-passiġġieri biex joqtlu kważi 3,000 persuna fi New York. Madankollu, ir-rapport indika ‘probabbiltà’ li t-terroristi kellhom xi għajnuna finanzjarja ‘mingħand nies fl-Arabja Sawdija’.
Panel indipendenti kien ikkonkluda n-9/11 Commission Report fl-2002, iżda diversi paġni – magħrufa informalment bħala ‘the 28 pages’ – kienu nżammu lill-pubbliku għal 13 il-sena, fost l-ispekulazzjoni inevitabbli dwar il-kontenut. Id-deputati u l-qraba tal-vittmi tat-terrur tal-2001 kienu insistew biex l-informazzjoni toħroġ fil-pubbliku fejn qalu li l-Gvern Amerikan ‘kien qed jipprova jaħbi għal alleat importanti’.
Il-Gvern tal-Arabja Sawdija, issa, qal li hu kuntent li d-dokumenti ħarġu fil-pubbliku.
//= $special ?>