Internazzjonali

L-ISIS jgħidu li l-attakk f’Nizza twettaq minn segwaċi tagħhom

ATTENTION EDITORS - VISUAL COVERAGE OF SCENES OF INJURY OR DEATH - Bodies are seen on the ground July 15, 2016 after at least 30 people were killed in Nice, France, when a truck ran into a crowd celebrating the Bastille Day national holiday, July 14, 2016. REUTERS/Eric Gaillard TEMPLATE OUT. NYTCREDIT: Eric Gaillard/Reuters

Meta Franza għadha qed tistejqer mix-xokk wara l-aħħar atroċità terroristika fil-belt ta’ Nizza, rapporti mill-pajjiż irreferew għall-arrest ta’ ħames persuni b’rabtiet mar-raġel li, fil-lejl tal-Ħamis, saq trakk enormi għal fuq folla li kienet qed tiċċelebra Jum Bastilja u fejn spiċċa joqtol 84 persuna.

Tlieta minn dawn l-arresti saru llum, wara li l-pulizija, nhar il-bieraħ, kienet ġabret żewġ persuni oħra biex jgħinuha bl-istħarriġ.

L-aggressur li wettaq l-istraġi f’Nizza kien jismu Mohamed Lahouaiei-Bouhlel u dan kien anki spara għal fuq il-pulizija hu u għaddej bit-trakk minn qalb il-folol li ppakkjaw il-Promenade des Anglais biex jassistu għal wirja ta’ logħob tan-nar. Bouhlel, imbagħad, inqatel mill-pulizija li fetħu n-nar fuq it-trakk.

Bouhlel kien magħruf mal-pulizija bħala kriminal li involva ruħu f’xi reati żgħar u li ma deher qatt fuq ir-reġistru ta’ suspettati radikali li s-servizzi sigrieti ta’ Franza jaġġornaw minn żmien għal żmien.

Iżda għalkemm Bouhlel ma kien implikat qatt f’aġir estremista, il-Prim Ministru Franċiż Manuel Valls qal li r-raġel, ‘b’xi mod jew ieħor’, kellu r-rabtiet mal-Islam radikali. Dan waqt li l-Prosekutur ta’ Pariġi, Francois Molins, sostna li l-attakk tal-Ħamis ‘kellu l-karatteristiċi kollha tat-terroriżmu tal-jihad’.

Fl-aħħar sigħat, l-aġenzija tal-aħbarijiet Amaq, li għandha l-konnessjonijiet mal-ISIS qalet li l-attakk bit-trakk twettaq minn sostenitur tal-grupp li wieġeb għal direttiva ‘biex jolqot ċittadini ta’ pajjiż membru tal-koalizzjoni li qed tiġġieled kontra l-ISIS.’

Il-President ta’ Franza, Francois Hollande, intant, laqqa’ sessjoni oħra ta’ taħditiet ta’ kriżi fid-dawl tal-aħħar terroriżmu, u fejn irreveda l-għażliet kollha quddiemu fiċ-ċirkustanzi diffiċli. Dan meta Franza, mill-llum, bdiet tosserva tlett ijiem ta’ luttu għall-istraġi f’Nizza wara li estendiet l-istat ta’ emerġenza bi tliet xhur.

Qabel l-attakk f’Nizza, Hollande kien qed jaħseb biex ineħħi l-istat ta’ emerġenza fis-26 ta’ Lulju, iżda reġa’ bidel il-ħsieb ftit wara li sama’ bl-aħħar straġi.

Kien hemm madwar 30,000 persuna fl-inħawi tal-Promenade des Anglais fil-ħin tal-attakk tal-Ħamis. L-aħħar rapporti dwar il-vittmi ta’ Nizza qalu li għaxra fost il-mejtin huma tfal u li 52 fost aktar minn 200 midruba jinsabu f’sitwazzjoni kritika.

Il-mejtin fl-attakk tal-Ħamis jinkludu residenti ta’ Nizza u turisti barranin, fosthom żewġt itfal tal-iskola mill-Ġermanja, tliet Tuneżini, żewġ Żvizzeri u żewġ Amerikani. Mietu wkoll fl-istraġi xi persuni li kienu ġejjin mir-Russja u l-Armenja.

Matul il-ġurnata spikkat il-preżenza mdaqqsa ta’ membri tas-sigurtà f’Nizza, waqt li suldati kienu qed jagħmlu r-ronda quddiem l-istazzjon ewlieni tal-ferrovija ta’ Gare De Nice Ville.