Bħallikieku l-inkonvenjent ta’ xhur twal li r-residenti tal-Baħrija ilhom isofru minħabba l-proġett tat-triq prinċipali ma kienx biżżejjed, fl-aħħar jiem issa rċivew ukoll sensiela ta’ ċitazzjonijiet għax għaddew minn triq One Way li madankollu għandhom permess jaċċessaw bħala residenti.
Il-każ ġara meta residenti tal-Baħrija bdew jgħaddu minn Triq Għajn Qajjet iżda bdew isibu ma’ wiċċhom trakkijiet għaddejjin bix-xogħol tat-triq iżda li kienu qed jgħalqu l-aċċess. Fid-dawl ta’ dan ir-residenti talbu għal traffic lights temporanji jew il-preżenza tal-wardens.
Huma ġew ikkuntentati billi fil-post intbagħtu l-wardens, iżda minflok jidderieġu t-traffiku dawn qabdu jagħtu ċ-ċitazzjonijiet lil kull min inzerta għaddej mit-triq One Way, residenti jew le tal-Baħrija. Dan minkejja li t-tabelli jindikaw li r-residenti għandhom kull dritt jaċċessaw it-triq.
Ir-residenti esprimew ir-rabja tagħhom fil-konfront tas-Sindku tar-Rabat, Charles Azzoppardi, li madankollu għamilha ċara li l-kunsill ma kellux x’jaqsam ma’ dawn il-wardens. Iżda residenti oħra li tkellmu mal-gwardjani lokali qalu li dawn infurmawhom li huma jirrispondu għall-Kunsill Lokali.
Fid-dawl ta’ dan, f’ittra li ntbagħtet ukoll lill-midja, wieħed mir-residenti appella lill-Kunsill Lokali, Transport Malta u l-Local Enforcement System biex verament jikkontrollaw is-sistemà tat-traffiku, jissospendu l-kontravenzjonijiet maħruġa u wkoll jitolbu skuża lir-residenti għall-mod li biha aġixxew fil-konfront tagħhom.
//= $special ?>