Lokali

Żewġt irġiel allegatament jaħtfu u jistupraw tfajla

Dalgħodu żewġ persuni kienu arrestati wara li allegatament ħatfu tfajla Taljana pruvaw jistuprawha f’Pembroke.

Jirriżulta li l-każ allegatament seħħ dalgħodu, meta ż-żewġt irġiel, min-Niġerja u Burkina Fazo, ħatfu lit-tfajla, ta’ 30 sena, fl-inħawi tal-bajja ta’ San Ġorġ, saqu lejn il-grawnd ta’ Pembroke u hemmhekk allegatament stuprawha.

Il-Pulizija jidher li kienu nfurmati b’dan il-każ u marru fuq il-post indikat lilhom, hemmhekk huma sabu raġel jippassiġġa fejn karozza u hekk kif ra lill-Pulizija, hu telaq jiġri, iżda kien arrestat ftit tal-ħin wara.

Fil-karozza f’dak il-ħin kien hemm raġel ieħor kif ukoll it-tfajla. Ir-raġel kien arrestat ukoll waqt li ssejħet ambulanza li ħadet it-tfajla l-isptar Mater Dei.

Iż-żewġt irġiel arrestati għandhom 34 u 36 sena.

Bil-każ ġiet infurmata ukoll il-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.