Rapport : Joe Mikallef
Il-Pulizija jafu li t-tmexxija tal-Korp qed issir minn Kastilja u mill-Ministeru tal-Intern b’indħil dirett u kontinwu
Il-kriżi profonda li jinsab fiha l-Korp tal-Pulizija qed tkompli b’aktar Fizzjali juru d-diżappunt totali tagħhom għall-mod kif qed isiru l-affarijiet.
L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar – il-ħames Kummissarju tal-Pulizija f’din il-leġislatura – beda jipprova jagħmel bidliet żgħar imma importanti biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-istess kollegi Pulizija. Iżda mhux jitħalla jaħdem kif jixtieq u qiegħed jesperjenza direttament hu wkoll indħil direttament mill-Kastilja u b’mod partikulari minn persuni inkompetenti fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
Fil-Gazzetta il-mument kien rappurtat li persuni qrib ħafna tal-Aġent Kummissarju Lawrence Cutajar qalu li għalkemm Lawrence Cutajar jaf sew lill-Korp u l-bżonnijiet tiegħu, xorta waħda mhux qed jitħalla jmexxi kif jixtieq hu. Aktar milli jingħata direzzjoni jew forsi pariri, qiegħed jesperjenza ndħil dirett kif esperjenzaw il-Kummissarji ta’ qablu.
Fizzjali fil-Korp tal-Pulizija qalu lil il-mument li mhux ta’ b’xejn li qed ikomplu jitilqu mill-Korp l-aqwa Fizzjali. Esodu kontinwu li mhux biss qed inixxef lill-Korp mill-kwalità, imma qed jirrendi lill-Korp f’wieħed bla esperjenza u li ma jistax ikampa mal-bżonnijiet fil-pajjiż.
Jirriżulta li riżenja oħra mill-Korp kienet dik tal-Assistent Kummissarju Neville Aquilina li jidher li mela l-formoli rikjesti biex jibda t-triq għal barra. Fizzjali li tkellmu ma’ il-mument fissru din ir-riżenja bħala daqqa ta’ ħarta kbira oħra għall-Korp.
Għalkemm Lawrence Cutajar tpoġġa bħala Aġent Kummissarju b’mod temporanju sakemm il-Gvern isib lil xi ħadd li jista’ jmexxi hu l-Korp tal-Pulizija, Fizzjali stennew ma jkollhomx għalfejn jaqilgħu fwiedhom biex jieħdu dak li hu leġittimament tagħhom, fosthom il-flus tal-ħafna sigħat ekstra li huma għamlu waqt il-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stati tal-Commonwealth u l-laqgħa ferm importanti għal mexxejja barranin ukoll li saret qabilha.
Din is-sitwazzjoni, minkejja l-ħafna impenji li kien hemm biex tirrisolvi lilha nnifisha, baqgħet teskala sal-punt li f’nofs din il-ġimgħa l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija (MPA) ressqet protest ġudizzjarju fil-konfront tal-Segretarju Permanenti Prinċipali u s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali biex il-Fizzjali tal-Pulizija jitħallsu tas-sigħat ekstra li ħadmu waqt is-Summit tal-Migrazzjoni u ċ-CHOGM f’Novembru li għadda.
L-MPA qalet li xi Fizzjali ħadmu iktar minn 150 siegħa ekstra waqt iż-żewġ summits u l-Gvern għadu jinsisti li dawn is-sigħat huma każ ta’ disturbance allowance. Xi ħaġa li l-Assoċjazzjoni qed tirrifjuta għaliex il-Fizzjali kienu sfurzati jaħdmu dawk is-sigħat.
L-Assoċjazzjoni qalet li l-Pulizija huma parti mis-Servizz Pubbliku u għandhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet bażiċi, ewlenija fosthom il-ħlas tax-xogħol li jagħmlu.
L-MPA temmet li hi lesta tieħu kull azzjoni li tipprovdi l-liġi sakemm titranġa s-sitwazzjoni.
Ta’ min jgħid li din ir-rabja kbira fost il-Fizzjali kompliet takkumula anki invista li l-membri tal-Korp mill-grad ta’ kuntistabbli sa surġent maġġur tħallsu dak li kien ħaqqhom għall-ħidma tagħhom waqt il-Valletta Summit 2015 u waqt ic-CHOGM, filwaqt li huma bħala Fizzjali baqgħu ma ħadu xejn tas-sigħat twal żejda li kienu mġieghla jaħdmu.
//= $special ?>