Għawdex Lokali

Kaos fl-Imġarr: Pulizija wieħed biex jikkontrolla traffiku qawwi lejn il-Gozo Channel

NETnews.com.mt jinsab infurmat li fl-aħħar ħinijiet spikka kaos totali fl-Imġarr (Għawdex) hekk kif kien hemm Pulizija wieħed biss biex jikkontrolla t-traffiku li nġema’ fiż-żona.

Dan hu tmiem il-ġimgħa popolari għat-turisti u l-Maltin li jitilgħu Għawdex, partikolarment minħabba l-festa ta’ San Ġorġ.

Dan is-sit jinsab infurmat li sa’ mill-4 ta’ waranofsinhar, kien hemm kju twil għall-vapur, iżda fl-Imġarr kien hemm preżenti biss Pulizija wieħed biex jikkontrolla mijiet ta’ karozzi li nġemgħu.

Il-kaos spikka barra l-‘Marshalling Area’ – jiġifieri barra miż-żona fejn jistennew il-karozzi qabel jitilgħu fuq il-vapur. B’konsegwenza ta’ dan, ġew imblukkati t-toroq minn kull naħa.

NETnews.com.mt jinsab infurmat ukoll li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ma bagħatx aktar Pulizija – u minflok, prova jordna lill-ħaddiema tal-Gozo Channel biex joħorġu huma barra l-‘marshalling area’ sabiex jikkontrollaw it-traffiku. Madanakollu, skont is-sorsi ta’ NETnews.com.mt, dawn irrifjutaw peress li barra l-‘marshalling area’ ma jaqax taħt ir-responsabbilta’ tagħhom.

Għandek xi ritratt? ibgħatilna fuq il-paġna tagħna ta’ Faceook.