1. L-avvenimenti fir-Renju Unit iddominaw il-mezzi tal-aħbarijiet tul din il-ġimgħa. Kien mill-iktar interessanti tara l-bidla fil-pożizzjonijiet ta’ politiċi li kienu qed iservu f’dak il-pajjiż. Ta’ dawk li telgħu ‘l fuq, kif ukoll ta’ dawk li telqu mis-siġġijiet ta’ importanza għall-oħrajn. Ftit setgħu xahar ilu jbassru li l-Prim Ministru David Cameron kien se jirriżenja, jew li Boris Johnson li kien mistenni jieħu postu l-ewwel jinqala’ ‘l barra mit-tiġrija u wara jispiċċa Ministru tal-Affarijiet Barranin. Bħalma lanqas ħadd ma stenna li George Osbourne, li għamel suċċess bħala Ministru tal-Finanzi, kien se jitlef postu mill-Kabinett. Biss dik hija parti mill-effetti tar-referendum f’dan l-istadju politiku.
Mara oħra
2. Żgur u mhux forsi li ħadd ma kien qiegħed jipprevedi li Theresa May, minn Ministru għall-Intern, kienet se tispiċċa hi l-Prim Ministru ta’ dak il-poplu. Id soda u determinanta, attenta u ftit kien jaqbżilha minn dak li kienet responsabbli għalih. Waħda mill-iktar Home Secretaries li damu jokkupaw siġġu li tradizzjonalment huwa mill-iktar diffiċli u jaħraq f’dak il-pajjiż. Taħt amministrazzjoni Laburista jekk m’iniex sejjer żball fl-istess perjodu ta’ żmien inbidlu erba’ Ministri li kienu lkoll tal-affari tagħhom. Għalkemm ma hemmx dubju li kull min b’xi mod sar jafha ferħilha, għandna nagħrfu li daħlet għal biċċa piż iebsa. Il-vjaġġ minn issa ‘l quddiem se jkun imħarbat waħda sew.
Bidla fid-direzzjoni
3. Kelli l-opportunità niltaqa’ magħha bħala Ministru tal-Intern u ma kinitx faċli biex tipperswadiha. Anzi, kont ninnota li kienet attenta iktar mis-soltu b’dak li kont nipproponi jew ngħid. Ma konniex naqblu fuq ħafna imma kienet kapaċi tifhem pożizzjoni. Taf xi trid u ma hi lesta tikkonċedi xejn inqas minn dak li ddeċidiet b’kawtela kbira li ċċedi. Speċjalment fuq kwistjonijiet marbutin mal-immigrazzjoni irregolari. Iżda rispett qatt ma naqasha lejn l-oħrajn u mill-oħrajn lejha. Meqjusa għall-aħħar kienet u kont nista’ ninnota li kellha pedament sod ta’ valuri Nsara jduru fiha. Dan ħareġ iktar biċ-ċar f’dawn il-jiem.
Attenzjoni ikbar
4. L-ewwel diskors tagħha bħala t-tieni Prim Ministru mara tar-Renju Unit kien u għadu fonti ta’ tagħlim u direzzjoni. Ma tkellmitx bis-soltu ringrazzjamenti u kliem ġenerali. Kienet minflok ċara fil-linja differenti li trid tieħu mill-persuna li okkupat is-siġġu qabilha. L-enfasi tagħha kien ċar li twassal messaġġ ta’ solidarjetà u programm mal-pajjiż kollu. Il-Partit Konservattiv iċċaqlaq pass ‘il bogħod mill-individwaliżmu liberali li ħonoq lilu u ħafna fl-Unjoni Ewropea wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Smajtha tgħid li trid tara tqassim iktar ġust tal-ġid nazzjonali. Smajtha taqbeż għal dawk li huma l-iktar ‘l isfel fis-soċjetà bi strumenti u mekkaniżmi ekonomiċi kompletament differenti minn ta’ qabel.
Politika soċjali
5. Meta smajt mill-ġdid id-diskors tal-gvernijiet ta’ Cameron stajt ninnota li fl-aħħar baġit nazzjonali ta’ pajjiżna kien hemm ħafna partijiet li ġew ikkupjati. Il-Ministru tal-Finanzi tagħna ispira ruħu fuq ħafna minn dak li kien hemm qabel fir-Renju Unit. Hemm taqbil interessanti bejn dak li qal wieħed u dak li rrepeta l-ieħor. Din il-politika fir-realtà serviet biex tassigura li jkun hemm maġġoranza li jridu joħorġu mill-UE. Serviet għax diversi ħasbu li l-miżuri xejn popolari u antisoċjali li kienu qed isiru kienu ġejjin sforz jew b’konsegwenza ta’ UE li tilfet il-valur tas-solidarjetà, tal-bniedem, u marret fil-kontra.
Min huwa tajjeb
6. L-esperjenza umana turi li ħafna drabi min qiegħed f’pożizzjoni soċjali u ekonomika tajba, ma tantx jiċċaqlaq. It-Taljani jgħidu “Chi sta bene non si muove”. Il-mewġa tal-maġġoranza biex toħroġ mill-Unjoni fir-Renju hija indikazzjoni evidenti li kien hemm fosthom ħafna li ma ħassewx li qegħdin f’post li jirrispettahom u li għandu futur għalihom. Il-Prim Ministru May naħseb li fehmet dan u qiegħda tinterpreta tajjeb f’dan l-istadju l-polz tal-poplu. Il-fatt li l-politika liberali li tħaddnet f’dak il-pajjiż u f’ħafna anki f’tagħna u li ġabet differenzi kbar bejn min huwa fuq u min nieżel iktar taħt titlob reazzjoni. Titlob li mmorru f’pożizzjonijiet taċ-ċentru bbażat fuq il-bżonn li min huwa fil-poter jassigura li kull min huwa fis-soċjetà jimxi ‘l quddiem u ma jitħalliex lura waħdu.
L-esperjenza politika
7. Ta’ 59 sena, skont ċerti persuni, Theresa May kienet fl-impossibbiltà li tilħaq f’din il-kariga. Biss hawn seħħ proprju l-kontra għax l-esperjenzi politiċi li ġabret tul dawn is-snin qed iservu biex jagħtu stabbiltà u direzzjoni. Ma hemmx dubju li llum hija differenti u ferm iktar matura politikament minn dak li kienet fl-2010. Politiku, kull wieħed li jkollu sens u sustanza fih, jibni fuqu nnifsu. Jibni fuq l-iżbalji u s-suċċessi li jkun wettaq. Jifhem aħjar maż-żmien, isir ferm iktar sensittiv u attent għas-setturi kollha tas-soċjetà. Il-Ministru tal-bieraħ ma hix il-Prim Ministru tal-lum għax l-esperjenza politika, jingħad x’jingħad, hija vitali u ebda pajjiż demokratiku u f’sensih ma jista’ jarmi.
Il-valuri Nsara
8. Ma hemmx dubju li l-avvenimenti li ġejjin se jkunu diffiċli għas-soċjetà Ingliża. Biex taqleb minn sistema ġewwa l-Unjoni għal waħda barra fiha ħafna komplikazzjonijiet. Se jkun hemm tbatijiet li l-iktar li jiġu effettwati huma dawk li qegħdin minn taħt. Dan, Theresa May tafu sew minħabba l-esperjenza politika tagħha. Biss ir-rimedju, is-soluzzjoni għaliha, rajtha li qiegħda tiġbed iktar lejn il-lezzjonijiet li l-valuri Nsara taw minn żmien għal żmien f’kull soċjetà. Diskorsha u ħidmietha diġà jidhru li qegħdin fuq dik il-linja proprju biex is-solidarjetà ma tonqosx. Għax din il-kriżi soċjoekonomika ġabet magħha wkoll waħda ta’ identità. Waħda li trid iddur lejn l-ankri l-antiki tagħha u tassigura li s-solidarjetà tikber u tiġi pprattikata iktar. Dak li se jiġri f’dak il-pajjiż fix-xhur u s-snin li ġejjin se jkun għalhekk interessanti u influwenti. Għalkemm ma naqblux mad-deċiżjoni tal-ħruġ mill-UE, nawgura minn qalbi l-ħidma t-tajba lill-ekskollega.