Il-ġimgħa li għaddiet kont qed nagħti daqqa t’għajn lill-ġurnal l-Orizzont u f’paġna satirika ġabu ritratt ta’ laqgħa li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel ma’ xi bdiewa fl-għelieqi tagħhom fiż-Żebbiegħ b’caption ‘Għandkom bżonn lil xi ħadd jagħżaq?’. Mingħajr ma trid, ikollok titbissem.
Għalkemm dan ir-ritratt kellu l-intenzjoni li, b’mod satiriku, jiġbed saqajn il-Kap tal-Oppożizzjoni, ħareġ messaġġ li ta’ min wieħed jikteb kelmtejn dwaru.
Agrikultura u sajd
Hekk kif bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni ngħatajt ir-responsabbiltà tas-settur agrikolu kif ukoll dak tas-sajd, ħassejt li biex lil dawn il-ħaddiema bieżla u ħabrieka tkun tista’ tifhem aħjar id-diffikultajiet u t-tbatijiet li jgħaddu minnhom, trid tiltaqa’ magħhom b’mod regolari fl-għelieqi, fl-irziezet tagħhom u fil-portijiet fejn is-sajjieda jvaraw l-opri tal-baħar tagħhom. L-esperjenza għallmitni li dan hu l-aktar mod effettiv kif, fil-veru sens tal-kelma, tkun qrib in-nies.
Minn meta ngħatajt din ir-responsabbiltà ġdida fil-grupp parlamentari Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busutti wera x-xewqa li b’mod regolari jiltaqa’ mal-ħaddiema ta’ dan is-settur tant delikat li jekk mhux se jingħata l-attenzjoni meħtieġa minnufih, fis-snin li ġejjin se jmut mewta naturali. Żgur mhux se jħammrilna wiċċna l-fatt li b’mod regolari niltaqgħu mal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda.
Politika tan-nies
Qed isiru laqgħat regolari ma’ dawk kollha involuti f’Malta u f’Għawdex. Jimpressjonawni l-umiltà u d-disponibbiltà tal-Kap tal-PN Simon Busuttil li jitlobni hu stess biex b’mod frekwenti nżuru lill-ħaddiema ta’ dawn is-setturi ħalli nkunu nistgħu nifhmuhom aħjar. Dan ħalli kemm il-politika agrikola u dik tas-sajd li jadotta Gvern immexxi mill-PN fis-snin li ġejjin jitfasslu fuq il-bżonnijiet reali u mhux fuq dak li jaħseb il-politiku. Anke l-fatt li l-PN ikkommetta li meta jkun fil-Gvern jagħmel ministeru responsabbli biss mill-agrikultura u s-sajd, juri kemm dan il-partit hu kommess favur din l-industrija tradizzjonali.
Is-settur agrikolu
Minn dawn il-laqgħat qed joħroġ ċar li għalkemm gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti ħadmu qatigħ b’risq dan is-settur, bla dubju stajna għamilna aktar ukoll. Forsi dan kien minħabba li ma konniex fil-qrib biżżejjed ta’ dawn in-nies. Għalhekk li l-PN imbarka fuq kampanja ta’ laqgħat frekwenti ħalli jisma’ minn fommhom il-problemi li jiltaqgħu magħhom. Bħat-trasferiment tal-art, pjaga li jekk irridu nkunu rġiel magħna nfusna, messna ilna li solvejnieha.
Problema oħra li jisħqu ħafna fuqha l-bdiewa hi marbuta mal-fondi tal-UE. Għalkemm dawn il-fondi suppost imorru għas-settur agrikolu, ma jintefqux kollha fuq dan is-settur. In-nuqqas ta’ ilma għat-tisqija wkoll qed iħalli l-effetti fuq is-settur agrikolu. Bħalma qed iħalli l-effett tiegħu l-iżvalutar tal-prezz tal-prodotti agrikoli meta dawn jinbiegħu l-pitkalija. U xi ngħidu għat-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern biex jitħallsu s-sussidji dovuti?
Is-settur tas-sajjieda
Anke s-sajjieda għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Jinkwetani li l-Gvern, bi skuża jew oħra, ilu aktar minn tlett snin biex jagħmel il-manutenzjoni meħtieġa ta’ diversi skallijiet u mollijiet f’Marsaxlokk. U xi ngħidu għat-tanker tal-LNG li se jiġi ankrat fil-bajja ta’ dan ir-raħal pittoresk? Sal-lum is-sajjieda għadhom ma jafux kif se jkunu effettwati meta dan it-tanker isorġi fil-bajja tagħhom. Biex ma nsemmux ukoll ir-riperkussjonijiet li se jkollhom il-ħaddiema tas-suq, tal-ħwienet, tar-resioranti kif ukoll ir-residenti nfushom meta dan it-tanker jiġi ankrat f’ Marsaxlokk.
Għajnuna lis-setturi tal-agrikultura u s-sajd
Is-settur agrikolu u dak tas-sajd m’għandhomx ikunu ballun politiku f’saqajn il-politiċi. Għalhekk, kull politiku fl-Oppożizzjoni u fil-Gvern, għandu d-dmir li jagħti sehmu biex dawn is-setturi jitħarsu u jiġu megħjuna bl-aħjar mod possibbli. Għalhekk għandna nammiraw il-ġest tal-Kap tal-PN li mill-Oppożizzjoni qiegħed jisma’ mill-viċin lil dawn in-nies ħalli b’mod immedjat jagħti sehmu biex lill-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda jarahom jimxu ‘l quddiem.