Għall-familja Abela Wadge, l-festa ta’ din is-sena mhux se tibqa’ mfakkra għaċ-ċelebrazzjoni li ssir kull sena, iżda għall-grif li sabet ma’ żewġ karozzi kmieni l-Ħadd filgħodu.
Kmieni dalgħodu, Alan Abela Wadge u missieru marru jċaqilqu l-karozzi tagħhom minn ħdejn id-dar biex ikun jista’ jgħaddi l-marċ tal-Ħadd filgħodu. Iżda, b’sorpriża sabu li ż-żewġ karozzi tagħhom – Audi A4 u Renault Megane – li kienu pparkjati fi Triq Antonio Bosio, fl-Imsida, kienu ġew vandalizzati bi grif minn naħa sa oħra tal-karozzi. Huwa evidenti li dan ma kienx inċident, iżda l-grif kienu indirizzati għal dawn iż-żewġ karozzi tal-familja Abela Wadge.
F’kummenti ma’ dan is-sit, Alan Abela Wadge qalilna li fl-aħħar ta’ Ġunju kien irċieva telefonata anonima ta’ theddida, iżda minn dakinhar aktar, ma kien sema’ xejn aktar.
Kemm Alan Abela Wadge kif ukoll missieru, għamlu rapport dwar dak li sabu dalgħodu, fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida.