Lokali

Muscat iddeċieda kontra dak li wiegħed lill-ħaddiema tal-Air Malta

2010 : “L-Air Malta mhijiex għall-bejgħ u Gvern Laburista ma jaċċetta qatt li jbigħ din il-kumpanija nazzjonali”
– Joseph Muscat

2016 : “Mhux ovvja li m’hemmx ċertezza… jekk qed ninnegozja u għad m’għandix business plan”
– Edward Zammit Lewis

Il-proċess bil-barka tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex jinxtaraw 49 fil-mija tal-ishma tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta mill-Alitalia jmur kontra kull garanzija u wegħda elettorali li kien għamel Joseph Muscat stess qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Il-gazzetta mument illum rrapurtat sorsi li qalu li qabel l-elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat kien involut direttament f’taħditiet ma’ gruppi ta’ ħaddiema impjegati mal-Air Malta. Uħud minn dawn il-laqgħat kienu jsiru fil-privat u kien hemm okkażjoni fejn laqgħa oħra saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Ħaddiema li tkellmu ma’ din il-gazzetta stqarrew li f’dawn il-laqgħat il-messaġġ ewlieni kien ikun li Gvern Laburista ma kienx se jipprivatizza l-Air Malta.

Muscat wiegħed li ma jipprivatizzax l-Air Malta

Il-mument tirraport li wieħed mis-sorsi li tkellmu magħha qal li f’laqgħa minnhom, li kienet saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Joseph Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, kien għarraf lil grupp ta’ ħaddiema, bejn 100 u 150 impjegat, li dak li kien ipprivatizza l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma jistax jiġi lura, imma l-Partit Laburista fil-Gvern ma kien se jipprivatizza xejn aktar.
Sorsi oħra li tkellmu qalu wkoll li laqgħat oħra saru fil-privat ma’ diversi ħaddiema tal-Air Malta. Dawn il-laqgħat ma sarux biss qabel l-aħħar elezzjoni, iżda wkoll wara l-elezzjoni ġenerali hekk kif Joseph Muscat kien Prim Ministru. Dawn il-laqgħat ħadu forma ta’ ikliet wara li Joseph Muscat, qalulna dawn is-sorsi, “kien serraħ ras il-ħaddiema li l-Air Malta ma kinitx se tkun privatizzata.”

Muscat kien ta garanzija li Gvern Laburista ma jbigħx l-Air Malta

Iżda minbarra dawn id-dikjarazzjonijiet mimlija wegħdi minn Joseph Muscat lill-ħaddiema tal-Air Malta, qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet, Joseph Muscat mar lil hinn minn dan. Saħansitra fi Frar tal-2010, l-orizzont, il-ġurnal tal-General Workers’ Union, kien irrapporta x’kien qal Joseph Muscat meta kien intervistat fuq ir-radju tal-Partit Laburista. Fid-9 ta’ Frar 2010 Joseph Muscat kien qal li “l-Air Malta mhijiex għall-bejgħ u Gvern Laburista ma jaċċetta qatt li jbigħ din il-kumpanija nazzjonali.”
Joseph Muscat kien qal ukoll li “l-Partit Laburista qatt u taħt l-ebda ċirkostanza, ma huwa se jaċċetta li jkun hemm ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar il-bejgħ tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.”

Fil-11 ta’ Ottubru 2009, meta Joseph Muscat kien qiegħed jindirizza partitarji Laburisti fil-Fgura kien iddikjara li l-Partit Laburista qatt mhu se jappoġġja l-privatizzazzjoni tal-Air Malta. L-għada, il-gazzetta The Times irrappurtat lil Joseph Muscat jgħid hekk: “the PL would never back the privitisation of Air Malta because this was the country’s greatest asset that needed to be protected.”

“Xokkanti” li issa m’hemmx garanzija għall-ħaddiema tal-Air Malta

Madankollu, issa li Joseph Muscat jinsab fil-Gvern, dak li kien wiegħed u li ta garanzija dwaru lill-ħaddiema tal-Air Malta qabel l-elezzjoni tar mar-riħ. Is-sitwazzjoni kompliet toħloq aktar inkwiet għall-ħaddiema tal-Air Malta u l-familji tagħhom hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru Edward Zammit Lewis ikkonferma f’konferenza tal-aħbarijiet li m’hemmx ċertezza dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta. Dan fl-isfond ta’ dak li rrapporta In-Nazzjon nhar l-Erbgħa li għadda, li għalkemm il-Memorandum of Understanding mal-Alitalia kien jgħid li n-negozjati jridu jingħalqu sal-31 ta’ dan ix-xahar, dan mhux se jseħħ. Kien irrappurtat li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se jkun lest il-business plan il-ġdid u qabel jitlesta mhux se jibdew taħditiet mal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Air Malta.
Wara din id-dikjarazzjoni tal-Ministru Zammit Lewis, ħaddiema tal-Air Malta li tkellmu ma’ il-mument fissru dak li stqarr il-Ministru bħala “xokkanti”.

Ħaddiema mwaqqfa milli jwaqqfu House Union

Il-ħaddiema qalu li huma għadhom qed jinżammu fl-għama u ħadd ma jaf fuqiex qed jinħadem il-ftehim mal-Alitalia, x’se jiġri mill-ħaddiema, jekk hux se jinżammu mal-Air Malta, jekk hux se jitkeċċew u jmorru jirreġistraw, jew hux se jintbagħtu jaħdmu mal-Gvern.
Il-ħaddiema li tkellmu ma’ il-mument ikkritikaw lill-GWU li mhi qed titkellem xejn. “Shop stewards qegħdin jiġbdu l-linja tal-Gvern u l-informazzjoni li qed titwassal lill-ħaddiema hija xotta ħafna. Huma biss il-unions tal-piloti, tal-cabin crew u tal-inġiniera li qed jieħdu pożizzjoni.” L-istess ħaddiema żvelaw ukoll li l-ħaddiema li għandhom x’jaqsmu mal-Flight Operations riedu jwaqqfu House Union, iżda din ma ġietx aċċettata mill-kumpanija. Il-messaġġ li twassal kien li f’dan l-istadju li tinsab fih l-Air Malta m’hemmx lok għal unions oħra.