Lokali

“Qed noffri politika li tista’ tafda” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Il-kelma ta’ Muscat ma tiswa’ xejn

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil sostna li l-aħħar tliet snin ikkonfermaw kemm il-kelma tal-Prim Ministru Joseph Muscat ma tiswa xejn għaliex ma żammx id-diversi wegħdi elettorali li għamel qabel l-aħħar elezzjoni.

Il-Kap tal-PN għamel din id-dikjarazzjoni meta dalgħodu kien intervistat fuq Radio 101.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkundanna l-attakki terroristiċi fi Franza u espriema solidarjetà mal-vittmi. Dwar l-attentat ta’ kolp ta’ stat fit-Turkija l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din is-sitwazzjoni se tpoġġi pressjonijiet fuq il-gvern Tork dwar il-mod ta’ ggvernar.

Meta tkellem dwar il-liġi tal-istandards, Simon Busuttil sostna li dan hu Gvern li rredikola l-imġieba fil-ħajja pubblika u spjega kif kienet l-Oppożizzjoni li xprunat din il-liġi. Din hi liġi meħtieġa propju għaliex il-Prim Ministru ma żammx il-wegħdi tiegħu. Fost dawn il-wegħdi hemm dik li ma jbiegħx l-Air Malta u li ma jipprivatizzax l-Enemalta. Il-fatti qed juru li l-kelma ta’ Muscat ma tiswa xejn.

Dan minbarra l-wegħdi mhux miżmuma dwar trasparenza u l-governabbiltà. Minbarra dan, il-gvern qed jipprivatizza wkoll l-isptarijiet meta l-kuntratti mhux qed ikunu ppubblikati. Hu skandaluż li l-gvern qed jagħti l-isptarijiet għal €500,000 u l-kumpanija privata għandha d-dritt li testendi l-kuntratt. Hemm ukoll il-kuntratti mhux pubblikati tal-bejgħ tal-power station, li issa l-Enemalta qed tħallas biex terġa’ tuża l-istess power station. Il-persuni li nnegozjaw dawn il-kuntratti huma Konrad Mizzi u Keith Schembri li fetħu kumpaniji sigrieti l-Panama biex ipoġġu senserija. Quddiem dan kollu, l-PN qed joffri politika li wieħed jista’ jafda.

Simon Busuttil qal li dan hu gvern iffukat fuq l-iskandli u mhux fuq il-politika li jwettaq. Fost dawn hemm in-nies fil-prekarjat u n-nies li ma jlaħħqux mal-paga li għandhom. Fil-pajjiż hu konfermat li hawn 100,000 fil-faqar waqt li hawn 90,000 pensjonant li jiddipendu mill-pensjoni u li ma jlaħħqux mal-ħajja. Il-Gvern għolla wkoll il-kirjiet tal-persuni li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali. Din hi taxxa kattiva fuq il-faqar, sostna Simon Busuttil, li kompla li kuntrarjament għal dan, il-gvern u n-nies tiegħu qed jiffangaw.

L-impenn tal-PN, sostna Simon Busuttil, hu li l-politika tkun mibnja fuq il-fiduċja u fuq politika li tista’ tafda. Il-PN qed jipproponi li l-ħatriet ewlenin fil-pajjiż isiru bi qbil parlamentari. Hu skandaluż li l-pajjiż ilu xhur bla Kummissarju tal-Pulizija iżda l-Gvern irid li fit-tmexxija tal-Korp jibqa’ biss pupazz li ma jinvestigax il-każi ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Alfred Mifsud. Il-PN jemmen li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun ta’ ċertu livell. Il-proposti tal-PN jinkludu wkoll li l-ministri jridu jinformaw lill-pubbliku qabel isiefru biex ma jiġrix kif qed jiġri issa b’Konrad Mizzi jsiefer l-Ażerbajġan u ħadd ma jkun jaf.

Il-Kap tal-PN qal li l-PN ma jaqbilx li d-deputati jitpoġġew chairman ta’ awtoritajiet. Dan filwaqt li kull kuntratt li jagħmel il-gvern ikun pubblikat waqt li jkun iktar faċli li tinkiseb informazzjoni mingħand il-Gvern. Il-PN jipproponi li familjari ta’ ministri ma jkunux fuq bordijiet, li ministri ma jistgħux jappuntaw sieħba kummerċjali tagħhom fl-istess ministeri u li min hu impjegat mal-gvern ma jistax jattakka lin-nies fuq il-media soċjali. Il-PN jemmen li min jinħatar f’karigi pubbliċi għandu jkun skrutinizzat mill-parlament.

Simon Busuttil tkellem dwar is-suċċess li kiseb il-Freeport u qal li l-PN jemmen li din il-viżjoni li kellhom Gvernijiet Nazzjonalisti għandhom ikomplu jkunu estiżi għal setturi oħra fosthom l-avjazzjoni.

Meta tkellem dwar ir-rwol tan-nisa fis-soċjeta’, Simon Busuttil qal minn 140 pajjiż Malta waqgħet mill-84 post għall-post 104 post taħt il-Gvern Laburista. Dan hu eżempju ieħor ta’ kemm il-kelma ta’ Joseph Muscat ma tiswa xejn għaliex qabel l-aħħar elezzjoni Muscat kien wiegħed li se jkun l-aktar gvern femminista li qatt kellha Malta. Il-PN hu mpenjat li jdaħħal l-ugwaljanza fis-soċjetà billi n-nisa jkollhom l-istess kundizzjonijiet u rwol fis-soċjetà daqs l-irġiel. Simon Busuttil ikkundanna wkoll il-vjolenza domestika. L-Oppożizzjoni lesta tikkopera mal-gvern biex jinbidlu l-liġijiet u biex in-nies fil-bżonn isibu l-kenn meħtieġ, sostna l-Kap tal-PN.