Lokali

Wara s-sejba ta’ droga u l-arrest ta’ żagħżugħ : Moħbija warajh terzi Maltin u barranin

Drogi varji - ritratt mill-arkivji

Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga mmexxija mill-Assistent Kummissarju Silvio Valletta għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar is-sejba ta’ ammont ta’ droga f’karozza kif ukoll ammont ta’ flus kontanti sbieħ nhar il-Ħamis filgħodu.

Il-Gazzetta il-mument illum żvelat li l-Pulizija f’dawn il-jiem tkellmet fit-tul ma’ dan iż-żagħżugħ biex tistabbilixxi r-raġuni dwar il-pusess ta’ daqstant droga u tal-varjetà ta’ droga li kellu fil-karozza li kien mitluf minn sensih fiha.

Il-Pulizija tkellmet maż-żagħżugħ ukoll dwar min kien dak jew dawk li tawh il-pakketti tad-droga u kemm oriġinarjament għaddewlu pakketti. Dan minħabba l-ammont qawwi ta’ flus kontanti li kellu fuqu u li kollox jindika li kienu ġejjin mill-bejgħ tad-droga lesta u pakkjata fil-pakketti ta’ daqsijiet differenti.

Probabbilment iż-żagħżugħ li fil-pussess tiegħu nstabet id-droga kien ilu fil-pussess tal-istess droga sa minn lejliet. Madankollu l-mistoqsija tal-investigaturi baqgħet – min kien jew kienu dawk li għaddewlu d-droga.

Ta’ għajnuna kbira għall-investigaturi hu l-mobile li nstab fuq iż-żagħżugħ u li minnu l-Pulizija għandhom jieħdu ħafna tagħrif mill-aktar importanti.

Sadattant minn aktar stħarriġ u investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija qed jirriżulta li moħbija wara dan iż-żagħżugħ li kien qiegħed ibiegħ id-droga u mbagħad probabbilment jieħu l-kummissjoni fuqha, hemm kemm Maltin kif ukoll barranin li jimpurtaw il-kapsuli tad-droga kif ukoll droga f’forma ta’ trab.

Fuq front differenti l-Pulizija kompliet tinvestiga l-appartament fil-Fgura fi Triq Lorry Sant li fih kien jgħix iż-żagħżugħ. Minn dan l-appartament – fil-preżenza taż-żagħżugħ – il-Pulizija bl-għajnuna tal-membri tal-Forensika, elevat numru ta’ oġġetti biex jgħinu fl-investigazzjonijiet.

Oriġinarjament xogħol importanti f’din l-investigazzjoni sar minn Pulizija stazzjonati fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun fejn sbieħ il-Ħamis filgħodu daħlet l-informazzjoni dwar żagħżugħ mitluq f’karozza żgħira ftit ‘il bogħod minn skola.

Sadattant sorsi fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga li nhar il-Ġimgħa tkellmu ma’ il-mument urew id-diżappunt tagħhom li l-ħafna x-xogħol li qed tagħmel il-Pulizija fil-ġlieda kontra d-droga mhux isib dejjem is-sostenn tal-Qrati Maltin.

Fost l-oħrajn semmew kif traffikant tad-droga din il-ġimgħa ngħata sentenza ta’ seba’ snin u nofs ħabs flimkien ma’ multa’ €23,000 wara li stqarr li hu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Dawn qed jirriferu għall-każ ta’ Mubarak Bawa ta’ 25 sena residenti l-Gżira, li kien akkużat b’pussess ta’ 372 gramma eroina u 331 gramma ta’ paracetamol u kaffeina, u li dawn tal-aħħar jikkumplimentaw mal-konsum tad-droga eroina. Hu inqabad bil-pussess ta’ sustanzi illeċiti fl-2013.

Waqt il-proċess fil-Qorti, wieħed mill-esperti tal-Qorti kien stqarr li s-sejba tad-drogi jammontaw għall-valur ta’ €27,100 u b’perċentaġġ ta’ purità ta’ 22 fil-mija. Fl-akkużi miġjuba kontrih, il-Pulizija resqet il-fatt li hu nstab li kellu passaport u liċenzja tas-sewqan falsifikati.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti stqarret li l-piena marbuta ma’ każijiet bħal dawn normalment tingħata għomor il-ħabs. Il-Qorti żiedet li l-fatt li l-akkużat għadu żgħir fl-età u l-kondotta ta’ qabel ma nqabad bis-sustanzi, sentenza ta’ għomor ħabs ma kinitx tkun adekwata f’din iċ-ċirkustanza.