Qed ikomplu jsiru appelli lil President Tork, Tayyip Erdogan, għall-kalma fil-konfront ta’ dawk li qed ikunu arrestati minħabba r-rwol jew l-appoġġ li taw għall -attentat ta’ kolp ta’ stat militari tal-ġimgħa li għaddiet.
Dan hekk kif qed ikun hemm rapporti ta’ trattament brutali ta’ xi wħud minn dawk li qed ikunu arrestati u l-appelli biex terġa’ tkun introdotta l-piena tal-mewt.
Il-piena kapitali kienet abolita fit-Turkija fl-2004 bħala parti mill-isforz biex il-pajjiż jissieħeb fl-Unjoni Ewropea u li kienet ilha ma tkun applikata mill-1984.
Kelliem għall-Gvern Ġermaniż kif ukoll oħrajn fi Brussell wissew li jekk fit-Turkija terġa’ tiġi introdotta l-piena tal-mewt, dan ikun ifisser it-tmiem tan-negozjati għas-sħubija fl-UE.
Dan apparti s-suspetti li Erdogan qed japprofitta minn dak li ġara biex jelimina kull għadma iebsa għat-tmexxija tiegħu, kemm fil-forzi tas-sigurtà kif ukoll fiċ-ċivili.
Issa t-Tnejn, xi uffiċjali Torok qalu li madwar 8,000 uffiċjal tal-Pulizija kienu sospiżi mix-xogħol minħabba s-suspett li kienu mdaħħlin fl-attentat tal-kolp ta’ stat ta’ nhar il-Ġimgħa.
Dan apparti li hemm aktar minn 6,000 persuna arrestati, fil-maġġoranza tagħhom membri tal-militar.
Erdogan ħalef li kien se jnaddaf il-Gvern minn dawk kollha responsabbli għal dak li ġara.
Dan waqt li għadd qed ikun hemm sparaturi madwar il-pajjiż fosthom f’IOstanbul fejn il-Viċi Sindku ndarb waqt sparatura t-Tnejn u kien hemm sparatura oħra quddiem il-bini tal-qorti.
Appelli lil Erdogan għall-kalma
