Lokali

ATTENTI: Dawn ir-regulators huma misruqa!

Ix-xogħol tas-St John Ambulance Malta tħarbat u spiċċaw sfurzati li jużaw biss ambulanza waħda minn flotta sħiħa hekk kif din l-għaqda mhux governattiva u volontarja kienet fil-mira ta’ serq u vandaliżmu.

Mill-post fejn jinżammu l-ambulanzi nsterqu numru ta’ oġġetti mediċi u apparat ieħor li jintuża fil-ħidma tagħhom. Dan filwaqt li sofrew ukoll ħsara fuq l-ambulanzi, li minnhom insterqu diversi oġġetti oħra, inkluż id-dwal blu tas-sireni.

Insterqu wkoll kwantità kbira ta’ leads tad-dawl, generator, power wash, kumpressur tal-arja, diversi għodda, AEDs u wkoll oġġetti bħal ingwanti, gauzes, dressings u faxex fost l-oħrajn.

Dawn kollha nghataw bhala donazzjoni jew inxtraw mis-St. Johns grazzi għad-donazzjonijiet tal-pubbliku. Is-serqa, li hu stmat li l-valur tagħha jlaħħaq it-€18,000, ħarbtet ukoll il-pjanijiet li jibda x-xogħol fuq il-bini tal-Ambulance Training Centre.

Iżda agħar minn hekk, minħabba li fil-mira tas-serqa kien hemm ukoll 25 regulator, l-istess bħal dak li jidher fir-ritratt, is-St. John’s issa hi limitata biss għal ambulanza waħda.

 

Fid-dawl ta’ dan, l-appell hu biex min jiltaqa’ ma’ xi ħadd li qed ibiegħ dawn ir-regulators b’mod mhux normali, jiġifieri mhux mingħand ħwienet u bejjiegħa awtorizzati, ikun żgur li dawn qed jinbiegħu b’mod legali.

Ta’ min ifakkar li min jakkwista oġġett li jaf li hu misruq, skont il-liġi hu wkoll ikun ħati li akkwista u għamel użu minn oġġett akkwistaw b’mod kriminali. Hu ħati wkoll min ikun jaf li qed jinbiegħ oġġett misruq, iżda jonqos milli jieħu azzjoni u jirrapporta.