Futbol Sport

Battalja fil-Premier League bejn l-aqwa managers fid-dinja

minn Robert Cremona

Fit-13 t’Awwissu jibda kampjonat ġdid fl-Ingliterra. U xi staġun mistenni jkun! Vetrina tal-aqwa kowċis, l-aqwa talenti żgħażagħ, plejers ġodda, fost l-isbaħ stadiums fid-dinja u futbol li joffri emozzjonijiet tal-ħolm għas-sostenituri tal-20 klabb li se jikkompetu. Kampjonat li fih se naraw għall-ewwel darba lil Antonio Conte u lil Zlatan Ibrahomovic, ir-ritorn tar-Riverside Stadium, l-użu tal-London Stadium għall-ewwel darba, Anfield rinnovat, Manchester City b’arma ġdida u Leicester City jikkompetu fil-UEFA Champions League.

Dan l-istaġun huwa l-20 wieħed għal Arsène Wenger, huwa r-ritorn ta’ Josè Mourinho, id-debutt ta’ Mazzarri ma’ Watford, Guardiola jmexxi l-parti l-blu ta’ Manchester, u Klopp fl-ewwel staġun sħiħ għalih ma’ Liverpool.

Bħal kull sena, qabel l-istaġun l-aspettattivi jkunu kbar. Filwaqt li fadlilna ħafna ġranet nisimgħu bi trasferimenti u ċaqlieq ta’ plejers, żgur illi din is-sena l-Premier League se joffri sfida diretta bejn kowċis ta’ statura enormi li jridu jittimbraw isimhom bħala “l-aqwa fost l-aħjar”.

Claudio Ranieri (Leicester City)
Se nibda b’Ranieri bħala rikonoxximent xieraq għall-istaġun inkredibbli li għamel it-tim immexxi minnu fl-istaġun 2015/16. Ħafna sejjħulu staġun tal-ħolm. Oħrajn konvinti li din kienet xi ħaġa ta’ darba, u diffiċli biex Leicester jirrepetu dan is-suċċess.
Bla dubju li l-manager Taljan għandu mertu kbir fir-rebħ tal-kampjonat għaliex daħħal mentalita’ rebbieħa fil-klabb u bena tim magħqud. Ovjament, wieħed irid jara xi plejers ġodda se jixtri Ranieri, u min se jkun qed iħalli l-klabb.

Ranieri, li għandu 64 sena, se jkollu għadma iebsa. L-aktar meta Leicester jidħlu għall-esperjenza l-ġdida tal-UEFA Champions League – ħolma oħra għas-supporters tal-Foxes.

Leicester diġa’ akkwistaw pedina importanti għalihom. Qed nirreferi għall-midfielder Mendy illi xtrawh mingħand Nice. Xtraw ukoll lill-gowler Ron-Robert Zieler, li se jkun riserva denja ta’ Kasper Schmeichel.

Josè Mourinho (Manchester United)
Diġa’ rebaħ il-Premier tliet darbiet , rebbaħ il-kampjonat lil Chelsea wara 50 sena, għandu warajh 22 suċċess f’ erba’ pajjiżi differenti u CV li ħafna kowċis jgħiru għaliha. Il-media tirreferi għalih bħala “The Special One”. U iva, Mourinho xi ħaġa speċjali żgur li għandu.

Ħafna litteralment ma jaħmluhx. Oħrajn jemmnu li xorta jibqa’ l-aqwa fil-preżent. Għal Manchester United, l-isem ta’ Mourinho jista’ jfisser is-soluzzjoni ta’ tliet snin diżapuntanti. Għaliex għal United, li tirbaħ l-FA Cup mhux biżejjed. U li ma tikkwalifikax għaċ-Champions League hija disfatta kbira.

Mourinho diġa’ għamel l-intenzjonijiet tiegħu ċari ħafna. L-għan ewlieni se jkun il-Premier League. Li jirbaħ. It-tielet jew ir-raba’ post mhux biżejjed.

S’issa Manchester United akkwistaw lid-difensur Bailly, lill-plejer prolifiku Henrikh Mkhitaryan u lill-attakkant Żvediż Ibrahimovic illi reġa’ ingħaqad ma’ Mourinho. Skont il-kowċ Portugiż, ma tkunx sorpriża jekk naraw lil Ibrahimovic fuq quddiem ma’ Rashford. Warajhom eżatt Wayne Rooney, għaliex lill-captain ma jridx jilgħabu fil-midfield.

mourinho-pep

Pep Guardiola (Manchester City)
Josep (Pep) Guardiola se jkollu l-ewwel togħma ta’ kampjonat Ingliż. Kowċ ta’ suċċess bla limitu. Kważi kważi tista’ tgħid illi kull ma jmiss isir deheb – ismu jfisser suċċessi.

Fl-ewwel ġimgħat fil-kariga, Guardiola ma baqax idu fuq żaqqu. Beda mal-ewwel jibni l-iskwadra l-ġdida. S’issa, Manchester City xtraw lil Gundogan u lil Nolito. Iżda fadal aktar.

Nafu żgur illi riedu lil Leonardo Bonucci. Iżda Juventus qalulhom “le grazzi!”
Fil-parti l-blu ta’ Manchester hemm ewforija kbira qabel il-bidu ta’ staġun ġdid. Il-klabb għamel rebranding, biddel l-arma, preżenta diġa’ il-flokk il-ġdid tat-tim, beda kampanja biex iżid l-attendenzi fil-ground, u preżenta lil Guardiola b’pompa kbira.
Dan l-istaġun se naraw mill-ġdid l-isfida Guardiola-Mourinho li tant kienet sfida akkanita fiż-żmien meta huma t-tnejn kienu managers fil-Liga Spanjola. It-tnejn b’karattri partikolari, jimmullaw il-ħin kollu quddiem il-bankina, b’ħafna enerġija u sens kbir kompetittiv. Se tkun sfida interessanti oħra f’dan il-kampjonat.

Antonio Conte (Chelsea)
Dan se jkun l-ewwel staġun fl-Ingilterra għat-Taljan ta’ 46 sena, eks kowċ ta’ Juventus u tat-tim nazzjonali tal-Italja. Conte hu kunsidrat bħala manager kariżmatiku li kapaċi jitrażmetti enerġija kbira fil-plejers tiegħu. Jekk hux kapaċi jaddatta għas-sistema Ingliża, dik kwistjoni oħra.

Kruċjali se tkun il-kampanja akkwisti ta’ Conte u kif se jifforma t-tim il-ġdid ta’ Chelsea, illi s-sena l-oħra iddiżappuntaw bi kbir u li lanqas għandhom futbol Ewropew dan l-istaġun. Punt ieħor li wieħed irid isemmi hu dwar il-formazzjoni li se juża – kulħadd jaf illi Conte iħobb jifforma t-tim tiegħu bil-formazzjoni 3-5-2 u dan ukoll se jkun fattur importanti fl-akkwisti li se jagħmel il-manager Taljan.
Ħaġa waħda hi ċerta. Conte ma marx l-Italja biex jaqa’ għaċ-ċajt. Irid iħalli marka, kif għamel sieħbu Ranieri.

Dan is-Sajf Chelsea akkwistaw is-servizzi taż-żagħżugħ Michy Batshuayi, eks plejer ta’ Marseille. U qed jissemmew aktar akkwisti kbar minn naħa ta’ Conte.

Jurgen Klopp (Liverpool)
Is-sitwazzjoni ta’ Liverpool hija waħda delikata. Dan għaliex hemm stennija kbira mill-istaġun il-ġdid. Lil Klopp jadurawh. Is-supporters jemmnu fih. Konvinti li kapaċi jwassalhom għas-suċċessi. U dan se jkun l-ewwel staġun sħiħ tiegħu mal-klabb Ingliż.
Il-Ġermaniż iddebutta mar-Reds f’Ottubru, u kien hu li wassalhom għal żewġ finali, li tilifhom it-tnejn. Il-League Cup u l-Europa League.

It-tim spiċċa l-istaġun li għadda fit-8 post u appuntu minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, Klopp għandu għadma iebsa biex juri li l-għażla tiegħu bħala manager f’Anfield se ssarraf f’riżultati u suċċessi.

Liverpool diġa’ qed juru li qed jieħdu l-affarijiet bis-serjeta’. Akkwistaw lil Sadio Mane minghand Southampton. Iffirmaw ukoll lil Matip minghand Schalke u lill-gowler Karius. Bla dubju, li Klopp se jibqa’ attiv fis-suq tat-trasferimenti matul il-ġranet li ġejjin sabiex isaħħaħ l-iskwadra li għandu.

Arsène Wenger (Arsenal)
Il-manager Franċiż ta’ Arsenal iddebutta mal-klabb eżatt 20 sena ilu. Fl-istaġun li għadda, Arsenal spiċċaw fit-tieni post. Xejn ġdid. Kważi kważi drajna naraw lil Wenger iwassal lit-tim tiegħu bħala runners-up fil-Premiership. F’20 sena, huwa rebaħ il-Premiership fi tliet okkażjonijiet biss.

Arsène Wenger xorta jibqa’ “mastermind” fil-logħba tal-futbol. Tista’ tikkritikah kemm trid. Iżda xorta wieħed għandu jammetti illi f’dawn is-snin ġab bidliet importanti fil-klabb ta’ Londra, li baqa’ meqjus fost il-kbar fl-Ingilterra. Forsi l-akbar diżappunt jibqa’ dak illi ma kiseb l-ebda suċċess fuq livell Ewropew – xi ħaġa li Wenger għandu pressjoni fuqu biex jikseb din is-sena.

Il-kowċ Franċiż diġa’ akkwista lill-attakkant Ġappuniż Asano u lill-midfielder Żvizzeru Xhaka.

Mauricio Pochettino (Tottenham Hotspur)
Is-sena l-oħra dan il-kowċ Arġentin, umli u bi kwalitajiet kbar, wassal lit-tim minn Londra sat-tielet post. U għalhekk din is-sena Tottenham se jkunu qed jikkompetu fil-UEFA Champions League.

Dan is-suċċess għal Pochettino, li għandu 44 sena, wassal sabiex il-klabb tal-kapitali jġeddidlu l-kuntratt. L-Arġentin se jibqa’ kowċ ta’ Tottenham sal-2021. Hu se jkun qed imexxi skwadra żagħżugħa mimlija talenti, fosthom Rose, Walker, Dier, Alli, Kane u Lamela. Ma’ dawn ingħaqad Victor Wanyama bħala akkwist ġdid mingħand Southampton.

Min jaf, forsi jkun Pochettino l-akbar sfida għal Mourinho u Guardiola? Forsi wasal il-mument ta’ tpattija wara li s-sena l-oħra kellu jbaxxi rasu quddiem Ranieri?

Kampjonat ieħor miftuħ beraħ

Kif jiġri dejjem fil-Premiership, dan mistenni jkun kampjonat missielet sal-aħħar. L-aktar minħabba l-fatt illi anke t-timijiet meqjusa “żgħar” qedgħin jarmaw sew.
Hemm l-Olandiż Ronald Koeman illi żgur irid jaqta’ figura tajba mal-klabb il-ġdid tiegħu Everton. Ma rridux ninsew lil West Ham, fejn għat-tieni staġun se jkunu immexxija minn Slaven Bilic – bi stadium ġdid, u plejers bħal Payet u Valencia.
Isem ieħor ġdid fil-Premiership se jkun dak ta’ Walter Mazzarri, manager ġdid ta’ Watford. Mazzarri kien ilu 18-il xahar mingħajr kariga maniġerjali ma’ xi klabb. Anke Southampton se jkollhom manager ġdid, il-Franċiż Claude Puel.

Newcastle, Norwich u Aston Villa se jkun it-timijiet li minn din is-sena mhux se narawhom aktar fil-Premier. Minflokom, se naraw lil Burnley, Hull City u Middlesbrough, immexxija mill-Ispanjol Karanka illi se jkun qed jiddebutta fl-ogħla diviżjoni Ingliża.
L-ewwel logħba tal-istaġun se tkun il-partita tal-Community Shield fis-7 t’Awwissu bejn Leicester u Manchester United. U allura malajr se jkollna indikazzjoni x’se jsarraf Mourinho u x’intenzjonijiet għandu Ranieri. Imbgħad il-kampjonat jiftaħ bi programm sħiħ ta’ partiti s-Sibt 13 t’Awwissu – fejn tispikka l-partitissima Arsenal kontra Liverpool, u Leicester jibdew jiddefendu t-titlu barra minn darhom kontra Hull City ta’ Steve Bruce.