Parlament

Bilanċ fil-mod tan-nomini għall-ħatriet tal-ġudikanti – Francis Zammit Dimech

Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li hu importanti li f’demokrazija jkun hemm is-separazzjoni tal-poter. Hu fakkar il-mod kif il-ġudikatura kienet trattata fi żmien amministrazzjonijiet laburisti fis-snin 70 u 80. Kien żmien fejn ir-responsabbiltajiet tal-ġudikanti kienu jinbidlu skont kif jaqbillu l-Prim Ministru u saħansitra kien hemm żmien fejn lanqas kienet kostitwita l-Qorti Kostituzjonali, wara li l-Gvern dehrlu li kellu jibdel l-Imħallfin fuq din il-Qorti wara li ma qabilx ma deċiżjoni li ttieħdet.

Francis Zammit Dimech qal li fortunatament il-pajjiż ħareġ minn dak il-perjodu u llum qed isiru emendi li minħabba l-importanza tagħhom iridu l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-Parlament.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-abbozz oriġinali kien qed jipproponi li ġudikant jista’ jirtira ta’ 68 sena sakemm ma jitlobx li jagħmel dan wara li jgħalaq il-65 sena. Hu staqsa għaliex issa l-età tal-irtirar ġiet stabbilita għal 65 sena u ma tħallietx l-għażla li ġudkant jista’ jkompli jagħti tliet snin oħra servizz.

Francis Zammit Dimech qal li ma jistax ma jkunux rikonoxxuti r-riformi li saru fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u hu tajjeb li issa qed isiru aktar riformi li jkomplu jibnu fuq dak li diġà sar.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li nstab bilanċ fil-mod kif isiru l-ħatriet tal-ġudikanti. Filwaqt li l-Gvern baqa’ jżomm id-dritt li jagħmel nomini, se jibqa’ l-obbligu li jsir skrutinju u obbligu għall-Gvern li jagħti spjegazzjoni lill-Parlament jekk ikompli għaddej bin-nomina kontra l-parir tal-Kummissjoni.