Bżonn li jkunu żviluppati setturi ġodda tal-ekonomija – Simon Busuttil

Filwaqt li l-ekonomija baqgħet b’saħħitha, ma kienx hemm biżżejjed ħsieb sabiex jinħolqu setturi ġodda li jrendu.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata minn Ernst & Young dwar il-futur tal-ekonomija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li kien hemm wisq spekulazzjoni tal-propjeta’, u żieda qawwija fin-nefqa tal-Gvern u fin-numru ta’ impjiegi tal-Gvern.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tappoġġja bis-sħiħ il-proposti ta’ EY għal 5 oqsma fejn tista’ ssir espansjoni ekonomika fosthom, it-teknoloġija fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kummerċ ta’ komoditajiet, il-loġistika, Malta bħala fus ta’ e-commerce mill-Asja, u l-opportunitajiet mill-immigrazzjoni.

Hu kompla li l-pajjiż għandu 5 sfidi li jrid jindirizza, il-Brexit fejn Malta se titlef alleat naturali. Hawnhekk, Malta tista’ tkun medjatur ġenwin fix-xhur li ġejjin, speċjalment meta Malta se jkollha l-presidenza tal-UE. Sfida oħra hi l-prezz tal-enerġija. Simon Busuttil qal li filwaqt li l-prezz tal-enerġija naqas b’madwar 25%, il-prezz internazzjonali taż-żejt naqas b’70%. Dan jista’ jkun ta’ problema għal Malta jekk pajjiżi oħra jgħaddu r-roħs kollu lill-industrija. Xi ħaġa li mhux qed issir f’Malta.

Problema oħra hi d-diffikulta’ ta’ ħafna negozji biex jingħataw finanzjament mill-banek. Simon Busuttil qal li sfida oħra hi t-trasport u t-traffiku, li minn inkonvenjent ta’ kuljum, din il-problema issa qed ikollha impatt ekonomiku.

Fl-aħħarnett, hemm ir-riskju għar-reputazzjoni Maltija. Hawnhekk, Simon Busuttil irrefera speċifikament għall-iskandlu tal-Panama fejn qal li għalkemm ma nibqgħux nitkellmu fuqu, dan l-iskandlu jibqa’ magħna u se jibqa’ magħna sakemm il-barranin jibqgħu jaraw li l-Gvern Malti m’għamel xejn dwaru.

Il-PM kontra iktar espansjoni tal-Freeport

Min-naħa tiegħu il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li filwaqt li l-Freeport hu suċċess kbir għal pajjiżna, hu ma jridx li l-Port Ħieles ikompli jikber u jieħu iżjed art.

Hu qal li l-Gvern qed jaħdem fl-immedjat billi qed jaqta’ l-burokrazija żejda. Muscat ukoll ilmenta dwar l-attitudni tal-banek ewlenin li qed jagħmlu ostakli burokratiċi li qed igerrxu persuni li jkunu qed ifittxu finanzjament.

Hu qal li r-rwol ta’ bank pro-attiv mhux dak ta’ karus iżda li jieħu riskji kalkolati li jgħinu t-tkabbir ekonomiku.

Dwar l-enerġija, il-Prim Ministru qal li hi għażla konxja li l-prezz ma’ jintrabatx mas-suq internazzjonali. Hu ammetta li l-kontijiet setgħu ikunu irħas, iżda mbagħad jerġgħu jogħlew meta jogħla l-prezz internazzjonali taż-żejt.