Parlament

Dmir il-Parlament li jsaħħaħ il-fiduċja fil-ġudikatura – Chris Said

(Arkivji)

Hu dmir tal-Parlament li jsaħħaħ il-fiduċja fis-sistema tal-Qrati kif ukoll li jkunu mħajra l-aħjar elementi biex jagħtu s-servizzi tagħhom bħala ġudikanti.

Meta kompliet id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar riformi kostituzzjonali (qasam tal-ġustizzja), id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li dan l-abbozz ġie xprunat minn mozzjoni ppreżentata mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kif ukoll wara ftehim li kien sar f’Diċembru tal-2012 fejn kien hemm bqil fost affarijiet oħra li jsir tibdil fl-età tal-irtirar minn 61 sena għal 65 sena.

Chris Said qal li kien hemm il-ħsieb li l-età ta’ irtirar tal-Ġudikanti titla’ għal 68 sena. Jidher li, wara diskussjonijiet li saru, l-età tal-irtirar se titħalla dik ta’ 65 sena.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa x’wassal biex jitreġġa’ lura l-ħsieb l-ġsieb li l-età ta’ irtirar tkun ta’ 68 sena. Hemm qbil li jkun hawn liġi li tistabbilixxi pensjoni xierqa għall-Imħallfin u Maġistrati. Hu ġust li din il-pensjoni tkun tapplika wkoll għall-Ġudikanti li llum huma irtirati. Fl-istess waqt jemmen li għandu jkun hemm kundizzjoni li ġudikant irtirat ma jkunx jista’ jiprattika l-professjoni legali fil-Qorti.

Chris Said qal li raġuni oħra għal dan l-abbozz tirrigwarda n-nomina għall-ħatra tal-aħħar żewġ maġistrati li fil-jum li saret in-nomini, kienu jmorru kontra l-Kostituzzjoni.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li hu ma jistax jaċċetta li kien hemm ksur tal-Kostituzzjoni għaliex il-ħatra ssir meta jingħata l-ġurament. Sostna li dak li kien semma l-Gvern kienet biss in-nomina.

Chris Said qal li meta tħabbru l-ismijiet tal-persuni li kellhom jingħataw il-kariga ta’ Maġistrati, l-istqarrija tal-Gvern semmiet il-ħatra ta’ Maġistrati u mhux in-nomina.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li sar tajjeb li kien hemm diskussjoni wiesgħa biex kemm hu possibbli jkun hemm qbil bejn kulħadd dwar l-emendi li qed jiġu proposti fil-mod kif tista’ ssir il-ħatra tal-ġudikanti.

Chris Said qal li jaqbel, kif qablet ukoll il-Kamra tal-Avukati, li jkun hemm kummissjoni apposta biex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet għan-nomini tal-ġudikanti wara sejħa. Hemm regoli li jistabbilixxi x’għandu jagħmel il-Prim Ministru jekk jidhirlu li jrid jagħmel nomina ta’ persuna li ma tkunx nominata mill-kummissjoni. Din il-persuna xorta waħda tkun evalwata mill-kummissjoni.

Chris Said qal li rigward id-dixxiplina jqis li għandhom ikunu l-ġudikanti stess li jirrakkomandaw lill-kummissjoni x’passi ta’ dixxiplina għandha tittieħed meta jinħass il-bżonn.