Mużika

Festival b’mużika Jazz bl-aqwa artisti lokali u mondjali

Hekk kif illum il-Festival Internazzjonali Malti għall-Arti jiġi fi tmiemu, il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) wasal fl-aħħar tal-preparamenti tal-Malta Jazz Festival 2016, li se jibda l-Ħamis li ġej fil-21 ta’ Lulju. Iżda minn għada jibdew l-attivitajiet tal-Jazz on the Fringe, li se jipprovdu bla ħlas il-Kunċerti ta’ Nofsinhar fil-Belt u r-raba’ edizzjoni tal-Malta Summer Jazz Camp.

Fi stqarrija l-Kunsill Malti għall-Arti, qalu li l-Kunċerti ta’ Nofsinhar se jsiru bejn id-19 u t-23 ta’ Lulju u fihom se jieħdu sehem artisti Maltin u barranin. Din l-inizjattiva qed issir biex titfa’ dawl fuq ix-xena tal-jazz żagħżugħa u dinamika f’Malta. Il-kunċerti jibdew fin-12.30pm u se jinżammu fi Triq ir-Republika għad-dell tal-bini tal-Parlament. Se jingħata wkoll kunċert mill-Kwartett Rino Cirinnà/Warren Galea bis-sehem ta’ Dean Montanaro u Manuel Pulis. Dan se jsir għada f’Talbot & Bons, Sky Parks Business Centre, f’Ħal Luqa fit-8.30pm.

Il-Jazz Camp se jipprovdi erba’ masterclasses u workshops minn edukaturi importanti, li ġejjin mix-xena attwali tal-jazz internazzjonali. Dawn ivarjaw minn grooves Amerikani, għal kant u improvizzar għal tagħlim dwar il-lingwa tal-jazz. Se jingħata wkoll workshop għal min idoqq is-sassofonu. Il-KMA hu kuntent bl-ammont ta’ mużiċisti li se jieħdu sehem. L-applikazzjonijiet magħluqin. Il-workshops se jingħataw fl-Iskola tal-Mużika Johann Strauss.

Il-Kunsill qed jaħdem ħafna biex iżid l-udjenzi fl-arti u għalhekk il-Festival qed jesplora mezzi oħra kif jista’ jilħaq iktar nies. Fil-fatt waħda mill-inizjattivi hi li l-kunċerti tal-Ħamis jingħataw b’xejn, anke jekk se jingħataw minn uħud mill-aqwa artisti tal-jazz, fosthom l-artist Kuban Harold López-Nussa. Il-kunċerti se jsiru fid-Daħla tal-Belt u faċċati tal-Qorti fit-8pm.

Id-direttur Artistiku Sandro Zerafa qal, “Bħas-snin ta’ qabel ninsab kburi li nista’ nippreżenta programm varjat li fih jazz tradizzjonali kif ukoll stili li jisfidaw il-ġeneri tal-jazz kontemporanju.”

Il-programm jinkludi artisti ta’ kalibru mondjali bħal Snarky Puppy, Bill Evans, Omer Avital u Marcus Roberts. Il-Festival mhux biss qed jattira lejn Malta artisti internazzjonali importanti imma qed iżid fl-opportunitajiet għall-artisti Maltin għax aktar bands tal-jazz saru jdoqqu madwar il-pajjiż.

Il-Malta Jazz Festival 2016, imtella’ mill-Kunsill Malti għall-Arti, hu megħjun minn Cyberpass, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, MSV Life u TVM. MIA, flimkien mal-Fundazzjoni Valletta 2018, qed jappoġġjaw The Jazz on the Fringe.

Żur maltajazzfestival.org għal aktar tagħrif.