Lokali

Filmat: Periklu fil-bajja Ta’ Fra Ben

Il-bajja Ta’ Fra Ben, waħda mill-iktar popolari fid-dawra ta’ San Pawl il-Baħar, qed tpoġġi periklu kbir għal dawk kollha li spiss jiffrekwentawha.

Dan hekk kif filmat li ttella’ fuq l-internet minn għaddas juri kif waħda mill-pjattaformi li hemm tat wiċċ il-baħar qed tikkrolla, b’biċċiet kbar tal-ġebel li qed iċedi, iżda fuq kollox għal biċċiet tal-ħadid imsaddad li jidhru ħerġin mill-istess pjattaforma.

Dawn il-biċċiet tal-ħadid ippuntati huma wkoll imsadda, u jinsabu propju f’post minn fejn ħafna jgħaddu bil-mixi, bir-riskju li jaljenaw u jirfsu fuqhom jew inkella jaqgħu u jispiċċaw iweġġgħu serjament.

Fil-filmat filfatt jinstema’ l-istess għaddas iwissi lil dawk li nzertaw fil-post biex joqgħodu attenti fejn jitfgħu saqajhom.

Malli beda jinxtered il-filmat, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar immedjatament għamel rapport u talab lill-awtoritajiet, b’mod speċjali Transport Malta, li tagħha hi r-responsabbiltà tal-post, biex tittieħed azzjoni mmedjata.