Internazzjonali

Fl-Indja…Vittma ta’ stupru darbtejn mill-istess grupp ta’ irġiel

Hemm rabja u għadab kbir fl-Indja wara li studenta li tliet snin ilu sfat vittma ta’ stupru minn grupp ta’ ħamest irġiel, reġgħet spiċċat vittma tal-istess grupp.
Il-Pulizija s’issa m’għamlu ebda arresti minkejja li l-istupru seħħ ġimgħa ilu fil-belt ta’ Rohtak, fl-Istat Indjan ta’ Haryana.
Il-mara, li għandha 21 sena, kienet għadha involuta fil-proċeduri fil-qorti kontra l-ħamest irġiel meta sfat stuprata ġimgħa ilu. Il-mara fl-attakk kontriha ssawtet, kienet fgata u tħalliet abbandunata f’għalqa, u kienet salvata minn raġel li fil-pront sejjaħ għall-għajnuna.
Il-mara kienet stuprata għall-ewwel darba fil-belt ta’ Bhiwani, u wara li sfat imhedda minn dawk li stuprawha, marret tgħix f’belt oħra.
Il-familja tal-vittma qalet li dan il-grupp ta’ rġiel kien ilhom jagħmlu pressjoni fuqhom biex iwaqqgħu l-każ.