Lokali

Gvern bla viżjoni għall-Air Malta

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) qalet fi stqarrija li l-istqarrija tal-Ministru Zammit Lewis li l-ħaddiema tal-AirMalta m’għandhomx garanzija tal-impjieg u li hu bħala l-Ministru responsabbli mill-istess kumpanija għad m’għandux business plan, huma ta’ tħassib.

SĦPN tinsab imħassba għall-fatt li l-ħaddiema qed jitħallew fil-għama dwar il-futur tagħhom. Minn dak li qed jirrappurtaw tlieta mill-erba’ unions li jirrapreżentaw lil sezzjonijiet differenti ta’ ħaddiema fl-Air Malt,a l-aħħar laqgħat li kellhom mal-Ministru ma rriżulta xejn ġdid fihom tant li ddeskrivewhom bħala xotti mill-informazzjoni. Il-GWU ma qalet xejn. Lanqas biss qed tgħaddi informazzjoni lill-ħaddiema!

Filwaqt li SĦPN tifhem li n-negozjati jistgħu jkunu diffiċli, nifhmu wkoll li l-Gvern ma ħalliex il-pjan ta’ristrutturar għaddej mingħajr indħil għax l-ewwel ħaġa li għamel hu li neħħa lil kull min kien involut mill-bidu ta’ dan il-pjan. Jidher li s’issa l-uniku pjan kien li jbiegħu l-Air Malta lill-barranin.

“Nisperaw li ma nbigħux l-AirMalta sempliċiment biex nidhru li għamilna xi ħaġa. Il-ħaddiema jixirqilhom aħjar minn hekk u ma jistgħux jifhmu kif il-Ministru għad m’għandux business plan tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru,” qalet SĦPN.