Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx f’pożizzjoni li jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq is-sistemà tad-drenaġġ u t-triq prinċipali li tagħti lejn il-Baħrija.
Dan ix-xogħol għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Lulju biex issa r-residenti ilhom għaddejjin minn martirju għal iżjed minn sena u nofs. Madankollu mhux eskluż li anke dan id-deadline jinqabeż.
Fid-dawl ta’ dan, id-Deputati Antoine Borg u David Agius intervjenew fil-Parlament ressqu mistoqsijiet oħra, indirizzati direttament lill-Prim Ministru li min-naħa tiegħu qal li mhux f’pożizzjoni li jgħid meta se jitlesta x-xogħol u żied li x-xogħol mexa b’ċerta kalma.
Il-Prim Ministru saħansitra ammetta li kien biss meta bdiet issir pressjoni politika li reġa’ kien hemm aċċenn fuq ix-xogħol meħtieġ. Dan hekk kif l-istess Deputat Antoine Borg bagħat ittra lid-deputati tal-Gvern f’isem ir-residenti li wasslu t-tbatija li għaddjjin minnha.
Oriġinarjament kien ippjanat li din it-triq tinbena’ mill-ġdid wara li ssir sistema’ ta’ dranaġġ u servizzi oħra biex jaqdu lir-residenti tal-Baħrija. Madankollu, sa mill-bidu tax-xogħol kollox kien qed jindika li din it-triq hi mibnija fuq l-oqbra, u x-xogħol waqaf sabiex l-arkeoloġisti b’reqqa kbira setgħu ikomplu l-iskavi u l-istudji dwar dan is-sit.
Ir-residenti tal-Baħrija ilhom għal dan iż-żmien jieħdu dawra twila biex jaslu sa djarhom u l-alternattivi huma toroq One Way li s-sewwieqa mhux josservaw, b’riskju li jseħħ xi inċident, kif ukoll toroq dojoq u oħrajn bi ħsarat konsiderevoli li qed iwasslu għal ħsara fil-vetturi privati.
Anke s-sidien tar-ristoranti tal-lokal ħadu pariri legali u mhux jeskludu li jieħdu azzjoni legali fil-konfront tal-Gvern u l-awtoritajiet kompetenti wara li l-komunità kummerċjali tal-Baħrija qed tilħaq l-inqas livelli ta’ kummerċ għal snin twal.
Bħallikieku l-inkonvenjent ta’ xhur twal li r-residenti tal-Baħrija ilhom isofru minħabba l-proġett tat-triq prinċipali ma kienx biżżejjed, fl-aħħar jiem issa rċivew ukoll sensiela ta’ ċitazzjonijiet għax għaddew minn triq One Way li madankollu għandhom permess jaċċessaw bħala residenti.
Id-dewmien esaġerat f’dan il-proġett wassal biex f’Ġunju madwar 200 persuna l-Ħamis filgħaxija nġabru fil-Baħrija bit-tama li permezz tal-indirizz tagħhom lill-midja xi ħadd jagħti kashom u jtemmilhom madwar sena u seba’ xhur tbatija li ilhom għaddejjin minnha.
//= $special ?>