Lokali

Jiġi fi tmiemu s-Sliema Arts Festival, b’rekord ta’ attendenza

Is-Sliema Arts Festival ġie fi tmiemu l-Ħadd filgħaxija wara jumejn ta’ arti u mużika li taw ħajja ta’ kuluri, arti u spettaklu li paxxew għajnejn il-Maltin u t-turisti li attendew bi ħġarhom għal sena oħra.

It-Tnejn filgħodu l-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema mmedjatament beda jaħdem biex il-post jitreġġa’ lura għan-normal u jkun żgurat li jsir it-tindif neċessarju fi tmiem festival li attira fiż-żona eluf ta’ persuni.

Fil-fatt hu kkalkulat li din is-sena kien hemm attendenza ta’ bejn 12,000 u 13,000 persuna, li jfisser żieda sostanzjali fuq il-folla ta’ madwar 10,000 li attendew għall-festival tas-sena li għaddiet.

L-arti li ħallew warajhom l-artisti li pparteċipaw issa tinżamm mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema biex jew tinġabar mill-istess artisti, jew inkella tkun parti minn irkant li jsir mill-istess kunsill lokali b’risq il-karità.

Din is-sena l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema għażel lill-Migrant Offshore Aid Station (MOAS) biex jibbenefikaw mill-fondi u jiġu mgħejuna fil-ħidma tagħhom biex jiġu salvati persuni li jkunu qed jaqsmu lejn l-Ewropa iżda jsibu ruħom f’diffikultà, bir-riskju li jitilfu ħajjithom.

Ritratt: Denni Daniel Balic