Lokali

Jinsabu għaddejjin b’ritmu tajjeb il-provi għall-BOV Joseph Calleja Children’s Choir.

It-tfal li qed jieħdu sehem fil-BOV Joseph Calleja Children’s Choir jinsabu għaddejjin bla heda bil-provi biex jiżguraw li jilħqu l-aspettattivi matul il-kunċert ta’ Joseph Calleja fit-28 ta’ Lulju 2016.

Is-sopran Gillian Zammit għal darba oħra ħadet il-kompitu enormi li tikkowċja l-kor ta’ 200 tifel u tifla li issa sar parti permanenti u protagonist ewlieni f’dan l-avveniment annwali.

“Sa mill-oriġini tiegħu, fl-2009, il-kor evolva kemm fin-numru ta’ tfal, kif ukoll fil-firxa tar-repertorju,” spjegat Gillian immedjatament wara waħda mill-provi, li din is-sena qed isiru fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana. “Il-provi jibdew madwar sitt ġimgħat qabel il-kunċert, u jintensifikaw aktar kemm noqorbu lejn il-kunċert.” Filwaqt li fakkret fl-edizzjonijiet passati, hija qalet li, “It-tfal iwieġbu tajjeb għall-esperjenza. Dan l-avveniment jagħtihom spinta morali kbira. Huma jkunu kburin ħafna li qed jakkompanjaw lill-ambaxxatur kulturali ta’ Malta, Joseph Calleja, u lill-artisti l-oħra ta’ fama mondjali li jkunu qed jieħdu sehem fil-Kunċert.”

Eqreb lejn id-data, it-tfal se jkunu qed jagħmlu provi fuq il-palk prinċipali fil-Pjazza tal-Fosos fil-Furjana, fejn it-tħejjijiet għall-kunċert diġà jinsabu għaddejjin b’ritmu tajjeb.

Il-BOV Joseph Calleja Children’s Choir jaf l-oriġini tiegħu fl-2009. Kienet l-idea tat-Tenur Malti, li hu stess jaf l-oriġini tal-karriera artistika tiegħu għall-kor li kien jagħmel parti minnu. “Il-kor jintroduċi lit-tfal għall-mużika moderna u klassika. Aħna naraw li t-tfal jitgħallmu malajr il-partijiet tagħhom u jieħdu gost bil-mużika fl-istess ħin, irrispettivament mil-lingwa u mill-età tagħhom. Dan jawgura tajjeb ħafna għall-apprezzament tal-arti u l-mużika f’Malta,” qal Joseph Calleja.

Aktar riċenti l-Bank of Valletta u Joseph Calleja waqqfu l-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja li qed tuża l-mużika bħala mezz terapewtiku biex tgħin lit-tfal ilaħħqu ma’ ċirkostanzi diffiċli. Fl-istess ħin il-Fondazzjoni qed tassisti wkoll liż-żgħażagħ b’talent biex ikomplu bil-karriera artistika tagħhom. Il-Fondazzjoni, li issa tinsab qrib ir-raba’ sena tagħha, diġà għenet diversi studjużi, li wħud minnhom se jingħaqdu ma’ Joseph Calleja matul il-kunċert imminenti tas-sajf.

Il-biljetti ta’ bilqiegħda huma disponibbli bi prezzijiet li jibdew minn € 80 minn fuq il-websajt: www.nngpromotions.com jew billi wieħed iċempel fuq in-numru dedikat għall-biljetti: 7907 1766.