Lokali

L-eroina se terġa’ tgħolli rasha – Leonid McKay, direttur ta’ Caritas Malta

“Mhux sigriet ngħidu li r-rata ta’ persuni dipendenti fuq l-eroina hi fost l-ogħla fl-Ewropa. Tajjeb inżommu quddiem għajnejna l-fatt li fl-aħħar sena l-istatistika interna tagħna qed turi li b’kuntrarju għat-trend li konna qed naraw fl-aħħar snin, l-eroina jista’ jkun li se terġa’ tgħolli rasha.”

Hekk qal id-direttur ta’ Caritas Malta Leonid McKay waqt li kien qed jagħmel id-diskors tiegħu f’jum il-gradwazzjoni ta’ 14-il persuna li temmew b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni mmexxi mill-Caritas fiċ-Ċentru Terapewtiku f’San Blas.

Hu kompla jgħid li fortunatament f’Malta għandna network ta’ servizzi li qed iwieġbu għal dan il-bżonn partikolari tad-dipendenza fuq l-eroina u li qed iħalli l-frott b’modi differenti.

Leonid McKay qal ukoll, iżda, li l-persuni li bħalissa qegħdin jieħdu s-servizzi tal-Caritas b’relazzjoni mal-abbuż tad-droga qegħdin kienu jużaw sustanzi oħrajn, partikolarment il-kokaina.

Fid-diskors tiegħu d-direttur ta’ Caritas Malta għamel ukoll referenza għan-nuqqas ta’ servizzi fejn jidħlu żgħażagħ taħt it-18-il sena li qed jabbużaw minn xi sustanzi. Hu qal li Caritas Malta qed tħares lejn servizzi simili f’pajjiżi bogħod minna biex possibbilment tasal biex tintroduċi servizz għal minorenni li qed jabbużaw minn sustanzi illeċti.

Aktar dettalji f’In-Nazzjon tal-lum