Parlament

Qbil unanimu għal tibdil Kostituzzjonali rigward il-Ġudikatura

Fid-diskors ta’ għeluq dwar l-abbozz ta’ liġi għal riformi kostituzzjonali, il-Ministru Owen Bonnici qal li fid-diskussjonijiet li saru, il-membri tal-ġudikatura mhux biss ħadu sehem, imma pproponew ukoll emendi.

L-abbozz jitratta l-ħatriet u l-passi dixxiplinari fejn meħtieġa kif ukoll l-età tal-pensjoni. F’dawn l-oqsma kollha kien hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn dawk kollha nvoluti biex il-Parlament se jasal u japprova b’mod unanimu emendi kostituzzjonali importanti.

L-istess kif għamel il-Ministru Bonnici matul l-intervent tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi esprima s-sodisfazzjoni personali u tal-Oppożizzjoni għall-mod kif iż-żewġ naħat tal-Kamra, flimkien ma’ dawk involuti waslu għal qbil dwar abbozz li seta’ jsir l-approvazzjoni tal-Kamra kollha. Dan hu pass storiku importanti, sostna d-Deputat Nazzjonalista.