Lokali

Ritratt: Il-ħġieġa ta’ tieqa mdendla għal isfel … imma sal-għada għadu ħadd ma ħa azzjoni

Żagħżugħ li rrapporta periklu minn ħġieġa ta’ appartament li tkisser, u li parti minnha għadha mdendla b’riskju li taqa’ minn ħin għall-ieħor, ilmenta li r-rapport tiegħu waqa’ fuq widnejn torox u qed jistenna li tiġri diżgrazzja.

Il-periklu jinsab f’Ħal Luqa, eżattament fi Triq Sant Andrija, fejn parti minn tieqa ta’ appartament għal xi raġuni tkissret, bil-konsegwenza li biċċiet minnha ċedew għal isfel, fuq il-bankina.

Bieb ma’ bieb mal-istess appartamenti hemm ukoll każin politiku, u għalhekk il-periklu hu ferm ikbar hekk kif wieħed jista’ jimmaġina, dan il-post hu frekwentat għal ħin twil matul il-ġurnata.

Iż-żagħżugħ li nnota dan ra li parti oħra mill-ħġieġa mkissra tista’ taqa’ għal isfel minn ħin għall-ieħor, u għalhekk għamel rapport lill-Pulizija. Iżda sa dalgħodu, il-periklu għadu kif kien mingħajr ma jidher li ttieħdet azzjoni.

L-istess persuna ħa l-inizjattiva li jagħlaq parti mill-bankina b’xi kaxex u biċċiet tal-injam li sab. Madankollu xi ħadd iddeċieda li jressaq kollox mal-ġenb. Mill-ġdid ipprova jagħmel li jista’ biex jevita traġedja, u għalhekk poġġba biċċa injama mal-faċċata li twissi bil-periklu.

13781709_1376703499010943_1292133365975427389_n