L-istorja tal-pjanista Frank Camilleri, il-Bibi, li tmur lura 75 sena, inbidlet f’website interattiv minn Nicholas Azzopardi, student fl-MCAST. Il-Bibi beda jdoqq Strada Stretta meta kellu 14-il sena.
Is-Sur Azzopardi ħoloq dal-website għat-teżi tad-degree BA (Hons) fil-graphic design u interactive media. Kien Redd Caruana, is-supervisor tat-teżi li ssuġġerixxa t-tema.
“Laqtuni mmens l-istejjer li hemm fil-ktieb ta’ George Cini, Strada Stretta: Aktar dawl fuq it-triq li darba xegħlet il-Belt, fejn hemm l-istorja tal-Bibi,” is-Sur Azzopardi qal.
“L-istorja tal-Bibi tiftaħ tieqa fuq ħajja iktar kwieta ta’ dak iż-żmien, l-effetti tal-aħħar gwerra kif ukoll id-divertiment imqareb li kien hemm Strada Stretta.” Il-poġett tas-Sur Azzopardi kien wieħed mill-esebiti fil-wirja bl-isem, Leave a Mark li ttellet fl-MCAST, ftit ilu.
Mitlub x’jaħseb dwar dal-proġett, Redd Caruana, lecturer l-MCAST qal: “Issa rrid nara kif Nicholas se jkompli jiżviluppa dal-website, ilgħaliex is-social media tista’ żżid mhux ftit il-valur tal-istorja tal-pajjiż.
“Tista’ tgħid li l-kumpaniji kummerċjali kollha qed jiżguraw li jkollhom preżenza diġitali. Ditti li jaħdmu f’dal-qasam jaraw kif jgħamlu biex jimpjegaw artisti tekniċi li kapaċi jwettqu xogħol kreattiv għall-aħħar. L-istudenti tagħna jitħarġu biex jirnexxu f’dal-qasam.”
Fil-fatt, is-Sur Azzopardi qed jaħdem bħala web designer/developer ma’ Logix Creative. Din mhux l-ewwel darba li l-kotba tas-Sur Cini dwar Strada Stretta spiraw studenti fuq hiex jibbażaw it-teżi tagħhom. Fl-2013, Stefanelle Cachia ggradwat First Class fid-Dance Studies mill-iskola tal-performing arts, filwaqt li Jurgen Camilleri ggradwa BSc (Hons) ICT mill-fakultà tal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-kummunikazzjoni. Iż-żewġ studenti attendew l-Università ta’ Malta.
//= $special ?>