Fl-aġġornament tas-seduta ta’ nhar it-Tnejn, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino rrefera għall-ilmenti li reġa’ qed ikun hemm minħabba intiena ħierġa mill-ġdid mill-Magħtab.
Hu qal li fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonsalista ttieħdu passi biex permezz ta’ terrapien tgħattiet il-muntanja ta’ żibel li kienet qed takkumula. Twaħħlu pajpijiet u tħaffru bjar biex ikunu kontrollati l-gassijiet li jipproduċi l-iskart. Dawn il-passi wasslu biex id-diossina naqset b’99 fil-mija.
Issa reġa’ qed ikun hemm ilmenti minn residenti fil-viċin u minn min ikun għaddej minn triq il-Kosta minħabba intejjen li reġa’ qed ikun hemm.
George Pullicino qal li l-ħofra tal-engineered landfill ma baqgħetx tkun żviluppata bħalma kien qed isir. Dan sar għaliex il-Gvern iddeċieda li jrid jiffranka u barra minn hekk l-immaniġġjar tal-landfill qed isir min-nies bla esperjenza. Il-Gvern għażel li jneħħi ħafna min-nies li kien hemm. Dan sar għal raġunijiet politiċi iżda wassal biss biex reġgħu qamu l-ilmenti min-nies Maltin u anke mill-barrranin.
George Pullicino qal li biex ikun iffrankat l-ispazju, l-iskart mhux qed ikun mirdum taħt it-terrapien u mhux qed ikun ikkompattat. L-istess nuqqas ta’ maniġġjar qed iseħħ ukoll fis-Civic Amenity Sites. Staqsa jekk waqfitx l-esportazzjoni ta’ white goods mormija.
George Pullicino appella lill-Gvern biex ineħħi l-għamad politiku u jara li l-WasteServ tkun maniġġjata kif suppost.
//= $special ?>