Lokali Qorti

Tlieta akkużati b’reati ta’ natura sesswali fuq subien taħt l-eta’

George Bezzina ta’ 57 sena mill-Isla, Alexander Caruana ta’ 57 sena mill-Belt Valletta u Raymond Buttigieg ta’ 47 sena minn Birkirkara tressqu quddiem il-Qorti akkużati li ħallsu subien taħt l-eta’ bi ħsieb li jwettqu atti sesswali fuqhom.

It-tliet irġiel tressqu separatament b’rabta ma’ reati fuq tliet subien ta’ 15-il sena, u tnejn oħra ta’ 16 u 17-il sena. Huma jinsabu akkużati li sfurzaw lis-subien fil-prostituzzjoni, jipparteċipaw f’wirjiet pornografika b’mezzi diġitali, li kellhom fil-pussess tagħhom materjal indeċenti li juru persuni taħt l-eta’ u li ħadu sehem f’attivitajiet sesswali ma’ minuri.

Il-Prosekuzzjoni qalet li George Bezzina kien diġa’ nstab ħati ta’ offiżi simili. L-Ispettur Joseph Busuttil qal li l-pulizija sabu wkoll pendrive b’materjal pornografiku.

Id-Difiża ta’ Bezzina talbet il-liberta’ provizorja, li kienet miċħuda mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech minħabba s-serjeta’ tal-akkużi miġjuba kontrih u minħabba l-fatt li għad fadal diversi persuni li għad iridu jixhdu.

Iż-żewġ akkużati l-oħra m’għamlux talba għal ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Carm Mifsud Bonnici qed jidher għal George Bezzina, l-Avukat Robert Galea qed jidher għal Alexander Caruana u l-Avukat Franco Debono qed jidher għal Charles Buttigieg. It-tliet akkużat inżammew taħt arrest preventiv. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittmi.