Il-Korea ta’ Fuq komunista, fl-aħħar sigħat, sparat tliet missili ballistiċi għal ġol-baħar, lil hinn mill-kosta tal-Lvant.
Xi uffiċjali tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel qalu li l-missili kienu sparati mir-reġjun ta’ Hwangju fost indikazzjonijiet li dawn taru għal distanza ta’ bejn 500 u 600 kilometru.
Kelliema Amerikani jemmnu li tnejn mill-missili kienu tat-tip Scud li jwasslu fuq distanzi qosra. Intant, l-azzjoni tal-Korea ta’ Fuq seħħet wara li l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel kienu qalu li se jistazzjonaw sistema għal kontra l-missili biex jirribattu t-theddida tal-Korea komunista.
In-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi lill-Korea ta’ Fuq milli twettaq kwalunkwe provi għat-teknoloġija nukleari jew ballistika. Madankollu, it-tensjoni baqgħet tiżdied mindu r-reġim ta’ Pyongyang wettaq ir-raba’ prova nukleari, f’Jannar li għadda.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Korea t’Isfel, Hwang Kyo-ahn, wissa li t-theddida lis-sigurtà nazzjonali tal-Korea t’Isfel ‘żdiedet fuq livell inkwetanti, fuq qasir żmien’.
//= $special ?>