Parlament

Falliment sħiħ fil-ġlieda kontra d-droga fil-ħabs – Beppe Fenech Adami

Minkejja l-enfasi li saret qabel l-elezzjoni dwar il-problema tad-droga fil-ħabs, il-Gvern falla fil-ġlieda li wiegħed li kellu jagħmel dwar din il-problema. Illum tirriżulta sejba tad-droga kull ġimgħatejn. Din mhix sitwazzjoni aċċettabbli u għandu jsir kull sforz biex il-problema ma tkomplix tikber.

Waqt id-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Probation, Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-abbozz. Hu sostna li l-abbozz qed ipoġġi d-droga u l-alkoħol fuq l-istess livell. Filwaqt li l-konsum tal-alkoħol mhux illegali, hu reat li wieħed jagħmel użu mid-droga. Beppe Fenech Adami qal li l-Ministru għandu jfittex il-parir tal-esperti dwar din id-differenza u jekk dan għandux effett fuq il-mod kif tiġi applikata.

Id-Deputat Nazzjonalista sellem lill-probation officers li x-xogħol tagħhom xejn m’hu faċli. Ir-relazzjoni bejn il-persuna akkużata u l-uffiċjal tal-probation, fil-mument li tingħata s-sentenza mill-Qorti, mhix waħda faċli.

Beppe Fenech Adami qal li tajjeb li wieħed jitkellem dwar is-sitwazzjoni. Intervista li kienet ippubblikata dan l-aħħar tenfasizza n-nuqqas kbir ta’ probation officers b’24 minnhom iridu jsegwu aktar minn 1,000 każ. Dan żgur qed joħloq pressjoni kbira. Anke jekk ir-riżultati huma inkoraġġanti, din il-pressjoni żgur mhux qed tippermetti li jkun hemm l-aħjar riżultati li jistgħu jinkisbu.

Beppe Fenech Adami esprima apprezzament għax-xogħol tal-probation officers u żied li hu dmir tal-Gvern li jipprovdi l-fondi li hemm bżonn biex ikun hawn aktar probation officers li jkollohm kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar. Riżultati aħjar ikunu jfissru benefiċċju akbar għas-soċjetà.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li jixtieq jitkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-problema tad-droga f’pajjiżna. Hu rrefera għall-gradwazzjoni, dan l-aħħar, ta’ żgħażagħ li jkunu segwew programm ta’ riabilitazzjoni b’suċċess.

Beppe Fenech Adami qal li hu allarmati n-numru ta’ persuni li jirrikorru lejn il-CARITAS biex ifittxu għajnuna ħalli joħorġu mill-problema tal-abbuż mid-droga. Hu fatt li wara l-kriminalità f’pajjiżna hemm l-abbuż tad-droga.

Beppe Fenech Adami qal li hu jqis li falla fil-problema tad-droga fil-ħabs. Il-Gvern kien qal ħafna diskors dwar din il-problema u filwaqt li ta wieħed x’jifhem li qabel l-elezzjoni ma kien sar xejn. Kien ingħad ukoll li kienet se ssir gwerra biex tinqered id-droga fil-ħabs. Sa minn qabel l-elezzjoni, il-Partit Laburista kien isostni li se jeqred darba għal dejjem il-problema tad-droga fil-ħabs. Kien saħansitra tqabbad ‘espert’ amerikan biex jintroduċi regoli stretti biex il-problema tinqered.

Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern falla bil-kbir. Żied li kien qed jenfasizza dan il-fatt mhux biex jakkuża imma biex il-problema tkun mogħtija importanza ħalli jsir dak li hemm bżonn.
Informazzjoni mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari turi li fl-2015 kien hemm seba’ sejbiet filwaqt li mill-bidu ta’ din is-sena diġà kien hemm sejba ta’ 15-il każ. Dan hu allarmanti għaliex huma każi li nqabdu ċertament b’għadd ta’ każi oħra li probabbilment ma nqabdux.

Beppe Fenech Adami qal li mhix valida l-kritika li l-problema kienet anke qabel l-elezzjoni. Hi problema li l-istat hu obbligat li jsib soluzzjoni għaliha. Ma jistax ikun hemm sitwazzjoni fejn persuna li qabel ma daħlet il-ħabs kienet għadha ma messetx mad-droga.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li f’żewġ risposti għal mistoqsijiet parlamentari li saru f’differenza ta’ ftit jiem hemm kontradizzjoni. F’każ ingħad li l-każi tas-sejbiet tad-droga fil-ħabs ikunu riferuti lill-Pulizija. Ftit jiem wara għal risposta oħra ngħad li mhix prassi li każi ta’ sejbiet ta’ droga jkunu riferuti lill-Pulizija.

Beppe Fenech Adami qara wkoll informazzjoni li ngħatatlu permezz ta’ ittra minn xi ħadd fil-ħabs. Din il-persuna semmiet il-problema tad-droga fil-ħabs, dwar nuqqas ta’ ilma fid-Diviżjoni I kif ukoll dwar il-problemi ta’ iġjene fil-kċina u fl-ikel servut.

Beppe Fenech Adami qal li fil-Qorti nfetħu proċeduri legali f’livell kostituzzjonali minn persuni trans-gender. Dawn qed iħossuhom suġġetti għal diskriminazzjoni peress li qed ikunu kostretti jinżammu f’taqsimiet tal-irġiel bir-riżultat li jsofru insulti u azzjonijiet vulgari. Indipendentement mill-eżitu tal-kawża fil-Qorti għandha tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni.

Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela spjega li l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-probation qed jippermetti li l-Bord dwar il-Probation & Parole ikun jista’ jieħu kampjuni biex ikun analizzat l-użu ta’ sustanzi projbiti minn persuni li jkunu ngħataw sentenza ta’ probation mill-Qorti jew li jagħmlu talba għall-parole. Il-Ministru qal li hemm madwar elf każ ta’ probation quddiem il-Bord tal-Parole.

Il-Ministru qal li matul is-sena li għaddiet daħlu 755 każ dwar probation u talbiet għall-parole u f’Diċembru tal-istess sena kien hemm 1,104 każ quddiem il-Bord. Dawn huma kollha każi segwiti minn 24 uffiċjal li jkunu qed isegwu sew lil dawk il-persuni fuq probation kif ukoll dawk li jkunu ngħataw liċenzja ta’ parole. Kien hemm każi li ma aċċettawx il-kundizzjonijiet tal-parole u tliet każi li kisru l-kundizzjonijiet.

Il-Ministru qal li hemm unit li titratta mal-vittmi tar-reati kommessi mill-persuni li jingħataw il-parole. F’dan il-unit hemm persuni li jaġixxu bħala medjaturi.

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea ġibed l-attenzjoni li l-abbozz ma jispeċifikax x’tip ta’ kampjun jista’ jittieħed. Qed tingħata wkoll l-impressjoni li l-kampjun jista’ jittieħed mingħajr il-kunsens tal-persuna. Jekk dan hu l-każ, jistgħu jinħoqlu diffikultajiet dwar drittijiet tal-persuna. Għandu jkun stabbilit ukoll x’isir fil-każ fejn persuna tirrifjuta li jitteħdilha kampjun.

Ċensu Galea staqsa wkoll x’qed isir fil-każi ta’ persuni li jkunu waslu biex jiskuntaw il-piena ħalli jkunu mħejjija biex jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà.

Fid-diskors ta’ għeluq, il-Ministru spejga li fuq ordni tal-Qorti diġà qed jittieħdu kampjuni. L-abbozz qed jagħti aktar saħħa legali lil din il-proċedura. Rigward in-numru ta’ probation officers se jsir sforz biex dan jiżdied anke jekk is-sitwazzjoni preżenti hi taħt kontroll.

Il-Ministru Abela qal li l-ġlieda kontra l-abbuż mid-droga għandha tiġi anke permezz tal-edukazzjoni flimkien ma’ kull pass ieħor li għandu jittieħed.

Carmelo Abela qal li hu ħażin tingħata l-impressjoni li l-Gvern m’hu jagħmel xejn jew li l-problema bdiet f’dawn l-aħħar snin. Hu qal li ż-żieda fis-sejbiet tfisser li kibru l-kontrolli. Kif inqabdu priġunieri, inqabdu wkoll gwardjani li jridu jirrispondu għar-reati li wettqu. Il-Ministru ċaħad li hemm kwalità ħażina tal-ikel kif ukoll li kien hemm nuqqas ta’ provvista tal-ilma. Din kienet biss għal perijodu qasir, sakemm instab is-sors tal-problema.

Dwar id-diskrepanza fir-rapporti lill-Pulizija, il-Ministru Abela qal li s-sejbiet ikunu riferuti lill-Pulizija imma fejn ikun hemm biss suspett, il-każ ma jkunx.

Fir-rigward tal-persuni trans gender, il-Ministru qal li d-direzzjoni hi li l-persuna tintbagħat fis-sezzjoni skont kif rikonoxxuta uffiċjalment. Jintħieġ taħriġ lill-gwardjani biex jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jirriżultaw illum.

Ritratt mill-Arkivji.