Ambjent Parlament

Il-Gvern jibqa’ jinsisti fuq kontroll fin-nomini fl-Awtorità tal-Artijiet

L-Awtorità tal-Artijiet se tkun responsabbli wkoll mill-baħar.

Il-Gvern baqa’ jinsisti li jkun hu li jinnomina tliet nomini importanti fuq il-Bord tal-Governanza tal-Awtorità tal-Artijiet u sostna li qed jagħmel dan għaliex jemmen fit-trasparenza u għaliex jemmen li l-ministru għandu jappunta nies li jafda fihom.

Il-pożizzzjoni tal-Gvern kienet espressa mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri waqt li kienet qed tintervjeni fil-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Liġijiet li kien qed jiddiskuti t-twaqqif tal-Awtorità tal-Artijiet. Min-naħa tiegħu l-PN ippropona li l-perit, l-avukat u l-accountant fil-Bord tal-Governanza jkunu appuntati mill-Kmamar professjonali tas-setturi. Il-Gvern m’aċċettax din il-proposta.

Id-deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech tkellem dwar id-definizzjoni ta’ art u qal li din il-kelma hija wiesa’ wisq għaliex din tinkludi wkoll il-baħar u qiegħ il-baħar. Hu qal li għal skopijiet ta’ Awtorità tal-Artijiet, l-art ma għandhiex tinkludix l-baħar.

Id-deputat Toni Bezzina qal li qed ikun overlapping tal-Awtorità tal-Ippjanar u d-Dipartiment tal-Artijiet. Irid ikun attenzjoni biex ma jkunx hemm deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu minn żewġ awtortitajiet.

Id-deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li hemm l-Awtorità Marittima li għandha l-kontroll fuq il-baħar u ppropona li l-Awtorità tal-Artijiet ma tkunx responsabbli mill-baħar u minn qigħ il-baħar. Hu qal li jidher li ma kinx hemm konsultazzjoni ma’ Transport Malta u mal-Awtorità Marittima għaliex l-Awtorità tad-Artijiet se jkollha t-tmexxija kollha.

Il-vot fuq din il-klawsola kien sospiż għal iktar konsultazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus tkellem dwar il-formazzjoni tal-Awtorità u qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi li ma jkunx hemm deputati fl-Awtorità u li r-rappreżentant legali, tal-periti u tal-accountants jkunu appuntati mill-kmamar rispettivi u mhux mill-gvern.

Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li l-Gvern jaqbel li jkun deputat għaliex ikun tajjeb li dan ikun jista’ jinforma lill-parlament. Din se tkun persuna minn għaxra u hi parti mill-proċess ta’ trasparenza. Dwar il-proposta tal-Kmamar, Deborah Schembri ma qablitx li għandhom ikunu l-Kmamar li jinnominaw iżda għandu jkun il-ministru li jinnomina persuna ta’ reputazzjoni tajba għaliex il-ministru jrid iserraħ moħħu li l-persuni li hu jafdhom fis-settur. Hi qalet li jkun hemm ċirkostanzi li fihom ikun hemm ilmenti dwar deċiżjonijiet li jieħdu dawn il-Kmamar.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-pożizzjoni tal-gvern tfisser li l-Kmamar m’humiex kapaċi jinnomaw persuna professjonali u li l-gvern m’għandux fiduċja fihom.

Deborah Shembri ma qablitx ma’ dan u qalet li l-gvern irid jassigura li jkollu nies li jafda bħala integrità u bħala background tagħhom għalkemm dawn se jaħdmu bil-libertà u l-indipendenza kollha iżda dawn huma setturi speċjalizzati.

Id-deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-punt hu jekk il-gvern iridx awtorità indipendenti jew jekk iridx awtorità kontrollata minnu. Hu kompla li l-persuni se jkunu maħtura kollha mill-ministru jew mill-Prim Ministru u sostna li dan imur kontra l-iskopijiet tal-Awtorità. Hu ppropona li l-gvern ma jinsistix li jkun hemm deputat parlamentari fiha.

Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li l-Ministru jrid ikun ċert li l-persuni jkunu ta’ integrità u għalhekk iktar ikunu indipendenti. Hi sostniet li se jkun hemm kontrolli totali fuq l-Awtorità fejn anki l-awditur se jkun qed jissorvelja.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-emenda tal-Oppożizzjoni hi fundamentali għaliex il-problema tal-iskandli li seħħu fid-Dipartiment tal-Artijiet kien propju l-involviment politiku.

Għalhekk ikun tajjeb li l-politiku jkun ‘l bogħod mill-Awtorità. L-indipendenza tkun possibbli bla ma tkun awtorità partiġġjana. Prinċipju ieħor hu s-sussidjarjetà fejn mhux bilfors il-poter kollu għandu jkun f’idejn il-minstru. L-emenda tal-Oppożizzjoni qed tagħti fiduċja lill-Kmamar tal-Avukati, tal-Awdituri u tal-Accountant. Bil-proposta tal-Oppożizzjoni, il-gvern xorta se jżomm il-maġġoranza. Il-PN mhux kontra l-Awtorita iżda mhux qed jaċċetta li jkun hemm involviment politiku iżda l-poter għandu jinqasam ma Kmamar professjoni li l-PN għandu fiduċja fihom. Il-vot tal-Gvern kontra l-proposta tal-Oppożizzjoni hu vot ta’ sfiduċja fil-Kmamar.

Ryan Callus qal li mhux aċċettabbli jsir abbozz ta’ liġi li jindirizza kollox wara li jkunu ingħażlu ċ-Chairperson.

Dwar il-verifiki mill-Bord tal-Gvernaturi, Ryan Callus li l-Uffiċjal Kap tal-Verifika fil-Bord tal-Gvernaturi għandu jwieġeb u jingħażel mill-Awditur Ġenerali. Hu qal li l-proposta tal-Oppożizzjoni ma tiswa xejn lill-Gvern u l-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern tuir li idn hi Awtorità zoppa. Il-proposta tal-Oppożizzjoni tagħti iktar indipendenza, sostna Ryan Callus.

Deborah Schembri qalet li l-gvern irid iktar kontrolli u għalhekk ma jaqbilx mal-proposta tal-Oppożizzjoni biex l-iskrutinju ma jkunx parti mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.