Lokali

Filmat: Il-Gvern ma jridx jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija b’maġġoranza ta’ żewġ terzi mill-Parlament

Gvern rasu iebsa li ma jridx Kummissarju tal-Pulizija li jinvestiga l-iskandlu tal-Panama – il-PN

Il-Gvern ma jridx jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija b’maġġoranza ta’ żewġ terzi mill-Parlament minkejja proposta tal-Partit Nazzjonalista biex il-Kummissarju jkun verament indipendenti.

Il-Ministru responsabbli mill-Pulizija Carmelo Abela għamel dan ċar waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal li ma jaqbilx mal-proposta tal-Partit Nazzjonalista u qal li ma jħossx li l-Gvern għandu jmur f’dik id-direzzjoni. Hu kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ NETnews.com.mt.

Skont il-Ministru, il-proposta tal-Partit Nazzjonalista “toħloq id-diffikultajiet” u qal li “tqajjem aktar mistoqsijiet milli tagħti tweġibiet”. Iżda fl-istess ħin, il-Ministru ma tax soluzzjonijiet dwar kif għandu jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija b’mod li jiżgura l-effiċjenza u l-indipendenza sħiħa.

Carmelo Abela kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar riżultati minn stħarriġ li sar fost il-Pulizija dwar il-qagħda tal-Korp.

Id-dikjarazzjoni mill-Ministru Carmelo Abela qanqlet ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li fi stqarrija mix-Shadow Minister Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern “hu rasu iebsa li ma jridx Kummissarju tal-Pulizija li jinvestiga l-iskandlu tal-Panama”.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien propona li l-Kummissarju jinħatar b’żewġ terzi mill-Parlament bil-għan li l-persuna maħtura tkun verament indipendenti. Dan fid-dawl tal-fatt li l-ebda Kummissarju tal-Pulizija għadu ma beda jinvestiga l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.

Il-Partit Nazzjonalista qal li b’din id-dikjarazzjoni ta’ Carmelo Abela, il-Gvern qed juri kemm qed iwebbes rasu u jagħżel il-politika tal-firda u r-ras iebsa minflok il-politika tal-kunsens.

Skont Carmelo Abela, il-Korp tal-Pulizija mhux qed jiġi mfixkel mill-fatt li m’għandux Kummissarju tal-Pulizija

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, NETnews.com.mt staqsa dwar it-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, li bħalissa tinsab f’sitwazzjoni mwiegħra hekk kif għal dawn l-aħħar xhur il-Korp kien bla Kummissarju tal-Pulizija. Minflok, il-Korp qed jitmexxa mill-Aġent Kummissarju Lawrence Cutajar.

Il-Ministru Carmelo Abela kien mistoqsi minn NETnews.com.mt fiex wasal il-proċess ta’ ħatra ta’ Kummissarju ġdid, bil-Ministru jwaddab il-ballun f’saqajn il-Prim Ministru Joseph Muscat.

“Il-liġi tgħid li l-Kummissarju jiġi maħtur mill-Prim Ministru” qal il-Ministru li kompla li d-deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kummissarju jittieħdu meta jkun il-waqt.

“Ma nistax ma ngħidx li l-liġi tgħidx li hu l-Prim Ministru li jaħtar il-Kummissarju” qalilna Carmelo Abela, li ma deherx kuntent li rrimarkajna li kien qed jitfa’ l-ballun f’saqajn il-Pulizija.

Iżda l-Ministru enfasizza: “L-għażla tal-Prim Ministru li jaħtar il-Kummissarju” waqt li kompla “nistennew ftit ġimgħat oħra biex jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija b’mod formali”.

Mistoqsi minn dan is-sit jekk jistax jipprovdi data speċifika, il-Ministru wieġeb li m’għandux data speċifika filwaqt li żied li għalih, l-importanti hu li l-Korp tal-Pulizija jkomplu strateġija u direzzjoni ċara.

“Il-Korp tal-Pulizija mhux qed jiġi mfixkel mill-fatt li m’għandiex Kummissarju” sostna l-Ministru, “għax l-Aġent Kummissarju qed jaqdi, fl-opinjoni tiegħi b’mod tajjeb, il-funzjonijiet tiegħu bħala Kummissarju”.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela kkonferma li l-Prim Ministru “jitkellem” miegħu fil-proċess tal-għażla tal-Kummissarju iżda ma żvelax il-kontenut tad-diskussjonijiet ta’ bejniethom.

Meta staqsejna speċifikament jekk l-Aġent Kummissarju Lawrence Cutajar hux se jinżamm u jingħata promozzjoni għal Kummissarju, il-Ministru Abela qalilna bl-aktar mod ċar li ma jistax iwieġeb mistoqsija bħal din, iżda ma eskludix il-possibilità ladarba Cutajar huwa membru tal-Korp tal-Pulizija li bħalissa jokkuppa l-kariga ta’ Aġent Kummissarju u li għaldaqstant ma hemm xejn li jeskludih milli jokkuppa l-kariga ta’ Kummissarju.