Internazzjonali

Il-mara ta’ Trump akkużata li serqet siltiet minn diskors ta’ Michelle Obama

Il-mara ta’ Donald Trump, il-kandidat li, f’Novembru, jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Repubblikan, qed tkun akkużata li serqet il-ħsibijiet minn diskors li għamlet snin ilu Michelle Obama, il-First Lady Amerikana, waqt li ppruvat tgħaddihom daqslikieku kienu tagħha.

L-għajnejn kollha kienu fuq Melania Trump, li s’issa żammet profil pjuttost baxx fil-kampanja, waqt l-ewwel jum tal-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Repubblikan fi Cleveland, fl-Istat ta’ Ohio, li kien ippakkjat bid-delegati.

Iżda waqt li l-affarijiet dehru mexjin tajjeb għal din l-eksmudella (li twieldet is-Slovenja) numru ta’ osservaturi li segwew id-diskors tagħha fuq il-media soċjali rrimarkaw dwar l-awtentiċità tad-diskors u l-kliem li deher simili għad-diskors ta’ Michelle Obama waqt il-konvenzjoni tal-Partit Demokratiku tal-2008. Dak iż-żmien, Michelle Obama kienet għadha taspira li ssir il-mara tal-President tal-Istati Uniti.

Melania Trump, waqt id-diskors, tidher li ħadet spunt mid-diskors ta’ Michelle Obama fejn hi wkoll faħħret lil żewġha bħala ‘raġel li jagħder’ u li lest ‘jiġġieled għal pajjiżu’.

Dan kien l-ewwel diskors ta’ Melania Trump matul il-kampanja tal-Partit Repubblikan u fejn hi kellha l-għajnuna ta’ xi speechwriters. Hi użat id-diskors biex turi lil żewġha bħala bniedem li jaf jieħu deċiżjonijiet ibsin iżda li għandu qalb tajba u li jemmen fit-trattament xieraq tan-nies ‘li hu jimpurtah minnhom’.

Sadanittant, uħud mill-konsulenti ta’ Donald Trump qalu, fost oħrajn, li ‘l-esperjenza ta’ Melania bħala immigrant u l-imħabba li għandha għall-Amerika kienu fatturi ewlenin tad-diskors li jrid jitqies bħala suċċess kbir’. Min-naħa tiegħu, Donald Trump fisser id-diskors ta’ martu bħala ‘assolutament inkredibbli’.