Lokali

Muscat se jibqa’ mfakkar għall-istandards baxxi u l-ksur tal-Kostituzzjoni fil-ħatriet tal-ġudikatura

Minkejja l-ħafna ċerimonji u ħafna bluff, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jibqa’ mfakkar fl-istorja ta’ pajjiżna għall-livell baxx li niżżel l-istandards ta’ pajjiżna fih, u għall-fatt li l-Gvern tiegħu kiser il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna fil-ħatriet tal-ġudikanti.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li l-Liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika li qed tiġi diskussa fil-Parlament, ġiet imressqa wara inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil b’mozzjoni Parlamentari fit-30 ta’ Settembru 2013. Kuntrarju għall-impressjoni li jiprova jagħti Muscat, din il-liġi qed titressaq tliet snin tard, għaliex Muscat kompla jwebbes rasu għal tliet snin sħaħ bi skandlu wieħed wara l-ieħor, b’riħa tinten ta’ korruzzjoni.

Il-liġi dwar il-ħatriet fil-ġudikatura wkoll tressqet fil-Parlament wara li Muscat webbes rasu u kiser il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna fil-ħatriet tal-Maġistrati aktar kmieni din is-sena. Kien il-Partit Nazzjonalista, mill-Oppożizzjoni, li ressaq abbozz ta’ liġi li jipproponi bidla radikali fil-ħatriet tal-ġudikatura.

Tant kemm Muscat baxxa l-istandards f’pajjiżna li daħħal Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li hu aktar dgħajjef minn dak li kien hemm qabel. Kuntrarju għal dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà mpenja ruħu b’aktar minn 109 proposta li mhux biss jgħollu l-istandards fil-politika, iżda anke jżidu l-fiduċja tan-nies fil-politiċi, liema proposti jiġu implimentati mill-ewwel ġurnata ta’ Gvern Nazzjonalista.