Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan l-abbozz. Dan jitratta dawk il-membri li jkorru waqt il-ħidma tagħhom fil-Forzi Armati u minħabba dak il-korriment ma jkunux jistgħu jkomplu bis-servizz. Mhux il-pajjiżi kollha jagħtu rikonoxximent lis-suldati li jkorru waqt is-servizz. F’Malta hawn qbil li dan ir-rikonoxximent hu dovut lil min ikun qed jagħti servizz lill-pajjiż.
Beppe Fenech Adami qal li din il-liġi tagħti fakultà lill-President ta’ Malta li jagħmel regoli dwar diversi affarijiet relatati mal-Armata. Jagħti wkoll id-dritt li jkun hemm regoli dwar il-pensjonijiet. Dan l-abbozz jagħti wkoll fakultà dwar il-pensjonijiet relatati mal-età jew mal-perijodu tas-servizz. Jirriżulta li mill-1990 sa llum kien hemm 689 persuna li rtiraw wara 25 sena servizz u 384 li rtiraw għax laħqu l-età ta’ 55 sena.
Beppe Fenech Adami qal li numru ta’ pensjonanti tal-Armata jilmentaw li hemm inġustizzja fid-differenza bejn il-mod kif hi kkalkulata l-pensjoni bejn dawk li jritiraw wara 25 sena serivzz u dawk li jirtiraw minħabba l-età. Hu sejjaħ lill-Ministru biex janalizza din is-sitwazzjoni u appella biex tinstab anke soluzzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni hi kritika ħafna għal dak li sar fl-Armata f’dawn l-aħħar snin. L-Oppożizzjoni tqis li biex ikunu aġevolati nies qrib ħafna tal-Partit Laburista, l-Armata tilfet nies ta’ esperjenza u ta’ valur. Il-manuvri li saru wasslu għal inġustizzji fil-promozzjonijiet filwaqt li twarrbu uffiċjali fil-gradi għolja biex tpoġġew nies qrib li jwieġbu għal ordnijiet li ħafna drabi jkunu ġejjin minn Kastilja.
Wara dan it-taqlib, l-Armata ħarġet ktejjeb biex tistabbilixxi r-regoli kif wieħed jista’ javanza. Hemm ħafna membri li jinsabu rrabjati għall-mod kif inbidlu l-kriterji u diversi minn dawk li kienu jikkwalifikaw għal avanz, issa sabu l-bibien magħluqa u l-postijiet mimlija. Hemm faxx kbir ta’ nies li jħossuhom demoralizzati.
Dan hu pass ieħor biex ikun hemm titjib fil-Forzi Armati ta’ Malta. Dan ma jfissirx li ma hemmx sfidi. Hu dover tal-Parlament li jagħmel liġijiet li jipproteġu lis-suldati.
Meta ressaq l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela, spjega li l-abboz jaħseb biex anke fil-każ tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, kif diġà hemm maħsub fil-forzi l-oħra tal-ordni, membru jkun jista’ jieħu l-pensjoni qabel għeluq il-25 sena fis-servizz jekk matul il-ħidma tiegħu iweġġa’ u ma jkunx jista’ jkompli bis-servizz. Il-benefiċċju jitgawda mill-familjari jekk kawża tal-inċident il-membru tal-Forzi Armati jiġi nieqes.
Fid-diskors ta’ għeluq, il-Ministru Abela qal li wieħed ma jistax jinsa ċ-ċirkostanzi li kienu wasslu biex twaqqaf bord li kellu janalizza ilmenti dwar nuqqasijiet fil-promozzjonijiet fis-snin ta’ qabel l-elezzjoni. Hu sostna li dak li seħħ wara kien konsegwenza ta’ dak li rriżulta lil dan il-bord.