Ambjent Lokali

Roderick Galdes jgħid li l-Gvern qata’ d-dawl lill-bdiewa f’Ta’ Qali biex jipproteġi lill-poplu Malti

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-bdiewa Roderick Galdes insista ma’ NETnews.com.mt li l-Gvern beħisbu jżomm mad-deċiżjoni tiegħu wara li fl-aħħar jiem qata’ l-elettriku lill-bdiewa f’Ta’ Qali, bis-Segretarju Parlamentari jgħid li l-Gvern qata’ d-dawl lill-bdiewa f’Ta’ Qali biex jipproteġi lill-poplu Malti.

Fl-aħħar jien, NETnews.com.mt irrapporta li diversi bejjiegħa li jarmaw il-prodotti tagħhom fis-Suq tal-Bdiewa (Farmers’ Market) f’Ta’ Qali, jinsabu rrabbjati għall-Gvern hekk kif mhux se jibqa’ jipprovdilhom l-elettriku.

Aqra iktar: Il-Gvern se jwaqqaf l-elettriku lill-bdiewa

Fil-kummenti tiegħu, Roderick Galdes qal li sa’ issa l-bdiewa kienu qed jieħdu dawl li mhuwiex tagħhom u li kien qed iħallas għalih il-poplu Malti. Filwaqt li ftaħar li l-Gvern qed iwettaq il-‘good governance’ għax qed jaqta’ l-abbuż, Galdes minnufih ħarab mill-mistoqsija meta kien mistoqsi jekk hux qed jgħid li l-bdiewa tal-Farmers’ Market humiex ħallelin.

“Jien mhux qed ngħid hekk” sostna s-Segretarju Parlamentari filwaqt li tenna li ma jridx li l-poplu jħallas għal dawl li mhux qed juża hu – konferma li l-elettriku tant bżonnjuż għall-bdiewa f’Ta’ Qali se jkun qed jinqata’ b’detriment għall-bejgħ tagħhom.