Qorti

Sentejn ħabs wara qtil involontarju fir-Rabat Għawdex

Dalgħodu, il-Qorti kkundannat sentejn priġunerija lil Baskal Saliba, ta’ 54 sena wara li nstab ħati bi qtil involontarju ta’ Sammy Spiteri li seħħ nhar is-7 ta’ Ottubru 2007 fir-Rabat Għawdex.

Il-każ imur lura disa’ snin meta fis-6 ta’ Ottubru 2007, Baskal Saliba rama krejn mingħajr il-permess neċessarju tal-Kunsill Lokali fi Triq Għajn Qatet, fir-Rabat Għawdex. Ftit tas-sigħat wara, għall-ħabta tal-04.40am tal-Ħadd 7 ta’ Ottubru, Sammy Spiteri ta’ 23 sena għadda minn dik it-triq bil-karozza u ħabat mal-krejn u b’konsegwenza tal-ħabta, il-krejn inqeleb fuq ġenb u l-blokki tal-konkos inqalbu fuq is-saqaf tal-karozza. Dakinhar, Sammy Spiteri tilef ħajtu.

Hu nstab ħati wkoll ta’ traskuraġni u ta nuqqas ta’ ħila f’xogħolu meta uża krejn tal-bini fir-Rabat Għawdex. Il-Maġistrat qal li għalkemm Spiteri kien taħt l-influwenza tal-alkaħol u d-droga, Saliba wkoll kellu xi ħtija kontributorja minħabba li ma ħax prekawzjonijiet biżżejjed sabiex javża lil min ikun qed juża dik it-triq, partikolarment bil-lejl. Apparti minn hekk, il-Maġistrat qal li Saliba “ġie jaqa’ u jqum mill-liġi” peress li l-krejn ntrama mingħajr il-permess tal-Kunsilli Lokali.